'Hi ħaġa ċara, li jeżistu problemi fil-governanza tal-pajjiż...'

...Sant isostni imma li hija 'redikolaġni' li nuqqasijiet f'pajjiżna jispiċċaw 'ffaċċjati bi proċeduri tal-PE'...jgħid li David Casa huwa xempju tal-'istil okkult' tad-delegazzjoni ta' MEPs li ġiet Malta

L-MEP tal-Partit Laburista Alfred Sant fi stqarrija qal “li jeżistu problemi fil-governanza tal-pajjiż u fil-kontrolli fuq il-korruzzjoni, hi ħaġa ċara, iżda li dawn jiġu ffaċċati bil-proċeduri tal-Parlament (Ewropew) kif maħduma biż-żjara tad-delegazzjoni (tal-MEPs) ta’ Diċembru li għadda hi redikolaġni.”

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew sostna li l-eżerċizzju tal-Parlament Ewropew biex jistħarreġ is-saltna tad-dritt f’Malta baqa’ mhux kredibbli.

Sant qal li d-delegazzjoni qajmet mistoqsijiet importanti għal pajjiżna, imma qabilhom qajmuhom kummentaturi u kelliema minn diversi sezzjonijiet tax-xellug u l-lemin.

Qal li l-ħidma tad-delegazzjoni tal-MEPs li ġiet Malta, kienet nieqsa mill-kriterji kollha li jagħmlu dan l-eżerċizzju kredibbli. Sant elenka kriterji li jiddeterminaw dak li huwa id-‘due process’ u għalhekk il-ħidma tad-delegazzjoni mhix kredibbli.

Fi stqarrija, Alfred Sant qal li l-membri ta’ din id-delegazzjoni assumew l-irwol tal-investigaturi, xhud, prosekuturi, ġurija u mħallfin, b’numru minnhom kienu ilhom protagonisti tal-kritika kontra Malta.

L-MEP Laburista jisħaq li l-preżenza tal-MEP Nazzjonalista David Casa kien xempju ‘tal-istil okkult’ li bih organizzaw xogħolhom. Qal li dan mingħajr ma jsemmi l-kwalità tan-nies li ltaqgħu magħhom fosthom mis-soċjetà ċivili.

More in Politika