Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Il-PM ma jaċċettax in-nomina tal-PD għall-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni

Il-membri fil-Kummissjoni jinħatru mill-President li taġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni

Jesmar Baldacchino / 12 ta' Jannar 2018 18:52
Il-Prim Ministru Joseph Muscat informa lill-Partit Demokratiku li m’hemmx bażi legali għan-nomina li l-partit għamel biex Philip Micallef jinħatar membru tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.

F’ittra li l-Prim Ministru bagħat lill-Kap tal-Partit Demokratiku Anthony Buttigieg u lid-Deputati Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia huwa għamel referenza għall-Artiklu 3 tal-Att dwar din il-Kummissjoni.

Dan l-artiklu jgħid li l-membri fil-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni jinħatru mill-President ta’ Malta, li taġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li l-Kummissjoni trid taħdem malajr kemm jista’ jkun u li l-Kap tal-PD Anthony Buttigieg għamel kuntatt mal-Kap tal-PN Adrian Delia fejn issuġġerixxilu li jinnomina lil Philip Micallef.

Fl-istqarrija, l-PD jisħaq li Micallef huwa l-aħjar kandidat għall-pożizzjoni u jkun ta’ servizz kbir lin-nazzjon. Il-Partit Demokratiku sostna li bħala nazzjon, l-Oppożizzjoni għandha taħdem kontra l-korruzzjoni u għandha titwarrab il-politika partiġġjana tal-partiti.

F’Novembru li għadda, il-Prim Ministru kien sostna li r-raġuni li l-Kummissjoni mhix tiltaqa’ u tiffunzjona kien minħabba li l-Oppożizzjoni baqgħet ma nnominatx membru.

Philip Micallef huwa eksKap Eżekuttiv tal-Air Malta u ta’ Malta Enterprise u eksChairman Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook