Aġġornata | Maria Efimova indikat li mhux hi s-sors 'oriġinali' tal-allegazzjoni 'Egrant'

Il-whistleblower Russa indikat lil numru ta' MEPs li mhux hi kienet s-sors oriġinali ta' Caruana Galizia dwar l-allegazzjoni fil-konfront ta' Michelle Muscat....Rapport Ewropew jitlob għat-tneħħija ta' min jissemma fil-Panama Papers u r-rapporti tal-FIAU

Michelle Muscat; Allegazzjoni li kellha kont (Egrant) u li minnu għaddew $1 miljun mill-Ażerbajġan
Michelle Muscat; Allegazzjoni li kellha kont (Egrant) u li minnu għaddew $1 miljun mill-Ażerbajġan

Maria Efimova, il-mara Russa wara l-allegazzjoni ta' Egrant, jiġifieri l-allegazzjoni li din il-kumpanija fil-Panama hija ta' Michelle Muscat u li minnha għaddew $1 miljun minn kont fl-Ażerbajġan, indikat li hi ma kinitx is-sors oriġinali ta' Daphne Caruana Galizia. 

Dan jirriżulta mill-abbozz tar-rapport dwar Malta mid-delegazzjoni ta’ MEPs mill-kumitati LIBE u PANA, mmexxija mis-Soċjalista Ana Gomes li kienet żaret Malta sabiex tistħarreġ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, wara vot li kien ittieħed fil-Parlament Ewropew.

Fost il-laqgħat li saru kien hemm mal-Prim Ministru, il-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-FIAU u l-MFSA fost l-oħrajn.

Ir-rapport jgħid hekk; "She (Efimova) indicated tħat she was not the original source who had provided information on Egrant to Ms. Daphne Caruana Galizia."

Dan joħloq xenarju differenti f'din l-istorja, hekk kif sa' qabel dan l-abbozz, kien bħal fatt magħruf li kienet Efimova l-unika persuna li tat l-informazzjoni dwar Egrant lil Caruana Galizia. Dan allura ma jeskludix li Daphne Caruana Galizia kellha sors ieħor mill-istess Bank Pilatus. 

Il-Bank Pilatus  f'Ta Xbiex
Il-Bank Pilatus f'Ta Xbiex

Fl-abbozz tar-rapport, jingħad kif saret 'video-conference' ma' Efimova, bħala eksimpjegata tal-Pilatus u bħala kuntatt ma' Daphne Caruana Galizia dwar "attivitajiet tal-bank Pilatus u speċifikament dwar allegazzjonijiet li jorbtu l-kont ta' Egrant ma' Michelle Muscat' 

Intant l-istess rapport li għadu kif kien ippublikat jisħaq li l-Awtorità Bankarja Ewropea għandha tara jekk l-MFSA issodisfatx l-obbligi tagħha fid-dawl "tan-nuqqas ta' azzjoni kontra l-Bank Pilatus u Nexia BT li għadhom s'issa b'liċenzja li permezz tagħha jistgħu jipprovdu servizzi fl-Unjoni Ewropea."

Ir-rapport qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tieħu nota wkoll tal-libertà tal-mezzi tax-xandir f'pajjiżna u x'inhuma l-implikazzjonijiet tal-iskema tal-Passaporti (Individual Investor Programme). Ir-rapport qed jitlob li jkun ċar jekk l-IIP hux qed twassal għal "attentat kontra s-sigurtà tal-UE, li toħloq il-korruzzjoni u timporta l-kriminalità organizzata u ħasil ta' flus."

'Nies implikati fil-Panama Papers għandhom ikunu investigati'

Ir-rapport huwa skjaċċanti, fil-parti li titratta r-rakkomandazzjonijiet f'dak li jirrigwardja l-Panama Papers. Jgħid li dawk implikati "f'atti serji ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus bħala riżultat tal-Panama Papers u rapporti tal-FIAU "m'għandhomx jinżammu fil-kariga pubblika u għandhom jiġu investigati b'mod formali u malajr. Li jinżammu fil-kariga," ikompli jgħid ir-rapport, "jaffetwa l-kredibilità tal-Gvern, jżid mal-perċezzjoni ta' impunità u jista' jirriżulta f'aktar ħsara lill-interessi tal-istat billi titħalla għaddejja attività kriminali."

David Casa: 'Għarukaża li wasalna s'hawn'

Fi stqarrija, l-MEP tal-PN David Casa saħaq li dan huwa rapport ta' kundanna fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri. "Ir-rapport huwa ċar. Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jitneħħew mill-kariga pubblika, investigati u jitressqu quddiem il-ġustizzja."

Casa jislet partijiet mir-rapport li jgħid ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija m'għandux jibqa' jkun maħtur mill-Prim Ministru. "Għandna bżonn bidliet mill-qiegħ dwar l-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali li ma mexxewx fuq każi ċari ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus minkejja li kellhom evidenza ċara f'idejhom."

"Hija għarukaża li wasalna s'hawn," jgħid Casa, "Din it-taħwida istituzzjonali kien iddiżinjata u intenzjonata. L-oġġettiv ikun il-protezzjoni ta' nies fil-poter li nqabdu f'attività kriminali. Il-Maltin għandhom id-dritt li jkollhom istituzzjonijiet b'saħħithom li jipproteġu lilhom mhux lil politiċi korrotti u kumpaniji dubjużi...se nibqa' naħdem sakemm dan ikun il-każ," temm jgħid David Casa.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar

PL: 'Żvolta oħra fil-gibda kontra l-Prim Ministru u familtu..."

Intant il-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-uniku ħaġa ġdida mir-rapport tad-delegazzjoni li ġiet Malta f’Diċembru li għadda, "hija li Maria Efimova issa qed tgħid li ma kinitx hi s-sors oriġinali ta’ Daphne Caruana Galizia. Għal xhur twal Efimova kienet deskritta bħala s-sors dwar il-kumpanija Egrant, b’mod partikolari wara li telgħet tixhed quddiem il-Maġistrat li qed imexxi inkjesta maġisterjali, iżda meta xehdet minn post mhux magħruf, Efimova issa qalet li ma kinitx hi s-sors ta’ Daphne Caruana Galizia."

Il-Partit Laburista kompla jgħid li dan jagħti żvolta oħra "lill-istorja tal-gidba fuq il-Prim Ministru u l-familja tiegħu."

More in Politika