Kull kumpanija u trust fl-UE se jkollha tiddikjara s-sidien u benefiċjarji tagħha

L-informazzjoni kollha għandha tkun f'idejn l-FIAU, fil-każ ta' Malta...L-UE tagħti kull stat membru 18-il xahar ċans

L-UE se tobbliga li jsir reġistru pubbliku ta' kull sid ta' kumpanija u trust madwar l-UE
L-UE se tobbliga li jsir reġistru pubbliku ta' kull sid ta' kumpanija u trust madwar l-UE

It-termini reveduti tar-raba' direttiva Ewropea kontra l-ħasil tal-flus se tinkludi, fost ir-rekwiżiti, l-bżonn li kumpaniji jikxfu is-sidien benefiċjarji u veri tagħhom f'reġistru pubbliku. L-istess direttiva qed tinsisti li l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta' trusts tkun f'idejn l-awtoritajiet tal-infurzar u tat-taxxa tal-pajjiż, kif ukoll ta' setturi li għandhom l-obbligu li jsegwu regoli relatati mal-ħasil tal-flus. Fil-każ ta' Malta dan ikun ifisser li l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) ikollha l-aċċess ta' kull sid u benefiċjarju ta' kumpanija u jew trust. 

L-UE se tkun qed titlob lil kull Stat Membru biex jivverifika l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji fir-reġistru kif ukoll li jestendi r-regoli kontra l-ħasil tal-flus u terroriżmu.

L-Unjoni Ewropea se tagħti lil kull stat membru 18-il xahar biex jintroduċi din id-direttiva fil-leġiżlazzjoni domestika. Din il-leġiżlazzjoni hija mnebbħa mill-kxif tal-Panama Papers li żvelaw kif bosta persuni f'diversi oqsma, inkluż politika, negozju u anke sport, kellhom kumpaniji jew kontijiet fil-ġurisdizzjoni tal-Panama.

 

More in Politika