‘Għad hawn abbużi kbar fir-rimi illegali ta’ skart u l-ħruġ tal-borża s-sewda’

Deo Debattista jitkellem mal-ILLUM dwar il-mediċini, l-ħarsien tal-konsumatur, ix-xiri onlajn u l-V18

L-ILLUM titkellem mas-Segretarju Parlamentari Deo Debattista dwar l-istandards fil-mediċini li jkunu tal-ogħla kwalità lejn il-konsumaturi. Jitkellem dwar il-ħarsien tal-konsumatur, speċjalment dwar xiri onlajn u l-kompetittività fis-settur kif ukoll dwar responsabbiltajiet li għandu fosthom it-tindif u l-Valletta 2018.

Malta rtirat mit-talba għall-aġġudikazzjoni tal-Awtorità Ewropea tal-Mediċini għalfejn?

Malta dehrilha li fl-interess tas-sostenibbiltà u l-ħarsien tal-pazjent għandha tneħħi l-offerta tagħha minn dan il-proċess.

Kultant żmien nisimgħu b’aktar ħidma biex jorħsu ammont ta’ mediċini, kif qed tissaħħaħ il-ħidma tal-awtoritajiet fil-kuntest ta’ mediċini ġeneriċi li jiġu importati?

L-Awtorità dwar il-Mediċini għandha ’l fuq minn 5400 mediċina awtorizzata fejn f’dawn l-aħħar erba’ snin ġew awtorizzati iktar minn 3,000 mediċina. Dan in-numru rekord ta’ mediċini awtorizzati f’Malta ssaħħaħ il-kompetizzjoni li twassal għat-traħħis fil-prezzijiet tal-mediċini.

Minn żmien għal żmien l-Awtorità dwar il-Medicini tħabbar mediċini ġeneriċi ġodda li tpoġġew fuq is-suq lokali sabiex il-pazjenti jkunu infurmati dwar l-għażla ta’ mediċini li jinsabu f’Malta.

Fost dawk il-mediċini ġeneriċi li traħħsu fl-aħħar xhur nsibu mediċini li jintużaw minn pazjenti li għandhom l-osteoporożi, l-ażma jew uġigħ newropatiku. Permezz tal-awtorizazzjoni ta’ mediċini ġenerici ġodda, il-konsumaturi ffrankaw sa 85% fil-prezz tal-mediċina.  

Bħala Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur tara li hawn koperazzjoni mill-bejjiegħa fl-istandards li jasal għand ix-xerrej?

Huwa fl-interess tal-bejjiegħa li l-prodotti jew servizzi li joffru lill-konsumatur ikunu ta’ kwalità u konformi ma’ standards internazzjonali, Ewropej jew nazzjonali.  Hemm numru ta’ standards li Aworitajiet kompetenti jesiġu fuq il-bejjiegħa sabiex iħarsu s-sigurtà tal-prodotti. 

Jeżistu standards oħra li huma volontarji u li negozjanti jistgħu jagħżlu li jimplimentaw sabiex joffru prodotti jew servizz aħjar u b’hekk jiġbdu aktar konsumaturi lejhom. 

Ta’ min jirrimarka illi x-xiri onlajn jaf joffri sfida għall-awtorijitajiet sabiex jassiguraw li dak li qed jiġi provdut fis-suq ikun dejjem konformi ma’ obbligazzjonijiet legali fir-rigward ta’ standards meta mqabbel ma’ xiri mill-post tan-negozju, jiġifieri xiri minn ħanut. 

Il-Maġġor parti tal-bejjiegħa lokali huma konxji mir-responsabiltajiet legali tagħhom lejn il-konsumaturi għaliex jafu li jekk jipprovdu prodotti inferjuri jew servizz ta’ xiri mhux adegwat, il-konsumatur Malti llum il-ġurnata tant huwa infurmat sew dwar id-drittijiet legali tiegħu li ser ikun l-ewwel wieħed li jilmenta biex jassigura li l-flus li ħallas jieħu valur tajjeb tagħhom.

Sabiex jiġi assigurat standard għoli fl-esperjenza tax-xiri tal-konsumatur l-MCCAA waqqfet skema volontarja magħrufa bħala ‘Trust Mark’ li jistgħu jissieħbu fiha negozji lokali, kbar u żgħar, li jbigħu prodotti jew joffru xi servizzi għall-konsumaturi.

Kull min jissieħeb f’din l-iskema jimpenja ruħu li josserva l-kodiċi ta’ kondotta marbut mal-istess skema. Dan il-kodiċi jirrappreżenta l-proċess kollu tax-xiri u għaldaqstant jiggwida lill-bejjiegħ  kif għandu jirriklama s-servizzi u l-prodotti tiegħu, li jifhem u jikkomunika sew mal-konsumaturi, li jkollu servizz ta’ wara x-xiri adegwat u meta jkollu lment jagħmel l-almu tiegħu kollu biex isib soluzzjoni aċċettabbli għall-konsumatur mingħajr il-bżonn li l-ilment jitressaq quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.

Min-naħa tagħhom ix-xerrejja għandhom dejjem joqogħdu attenti dwar dak li qed jixtru u jevalwaw sew il-kwalità ta’ prodott li qed jixtru speċjalment fejn tidħol is-sigurezza tal-prodott, u fejn isibu dubju jsaqsu lill-awtoritajiet relevanti.

Taħseb li x-xiri onlajn qed toħloq sfida lill-awtoritajiet u l-bejjiegħa biex ikun hawn ħarsien ġust tal-konsumaturi?

Għalkemm huwa fatt li x-xiri onlajn joħloq sfidi kemm għall-awtoritajiet u kemm għall-bejjiegħa, huwa wkoll fatt li x-xiri onlajn sar preferenza għal numru kbir ta’ konsumaturi għal diversi raġunijiet, fosthom il-kumdità li l-konsumaturi jixtru minn darhom jew minn kwalunkwe post fejn għandhom aċċess għall-internet kif ukoll li x-xiri onlajn joffri varjetà kbira ta’ prodotti u servizzi bi prezzijiet kompetittivi. Għaldaqstant sabiex dawn l-isfidi jiġu mnaqqsa, hemm numru ta’ obbligazzjonijiet legali li jridu jiġu segwiti kemm mill-bejjiegħa u kemm mix-xerrejja.  Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet iridu jassiguraw li dawn l-obbligazzjonijiet qegħdin jiġu mħarsa. 

Ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur jistabbilixxu forst oħrajn numru ta’ rekwiżiti li jridu jiġu pprovduti  bħall-informazzjoni li trid tingħata minn qabel lill-konsumatur għal kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, jiġifieri xiri onlajn. 

Fost dawn hemm l-obbligazzjoni li tingħata informazzjoni dwar ir-right of withdrawal ta’ 14-il ġurnata fejn il-konsumatur għandu d-dritt li jibgħat lura prodotti lin-negozjant mingħajr ma jagħti raġuni għalxiex qed jibgħathom lura, informazzjoni dwar il-garanzija kummerċjali u legali, u informazzjoni fuq in-negozjant sabiex f’każ li l-konsumatur ikollu bżonn jikkomunika man-negozjant ma jkollux problemi sabiex isir kuntatt. Fl-istess Regolamenti però hemm ukoll proviżjonijiet fejn jissalvagwardjaw lin-negozjant fosthom numru ta’ obbligazzjonijiet li jridu jiġu segwiti mill-konsumatur rigward pereżempju dwar kif jeżerċita r-right of withdrawal  u hemm ukoll proviżjonijiet rigward eċċezzjonijiet minn dan id-dritt.

Il-konsumaturi li jagħżlu li jixtru l-prodotti jew servizzi onlajn kemm mingħand bejjiegħa lokali kif ukoll mingħand bejjiegħa stabbiliti f’pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea, mhux biss għandhom protezzjoni adegwata permezz tar-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, iżda f’każ ta’ problema b’xi oġġett jew prodott mixtri, il-konsumaturi jistgħu jirrikorru għall-għajnuna mingħand l-MCCAA f’każ li l-bejjiegħ onlajn jopera minn Malta jew jitolbu l-għajnuna taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur ta’ Malta jekk ix-xiri jkun sar mingħand bejjiegħ li jopera minn stat ieħor membru tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk il-konsumaturi qed ikunu kontinwament edukati u infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ problema u kif ukoll huma infurmati fuq il-prekawzjonijiet li jistgħu jieħdu biex jevitaw li jkollhom problema bil-prodott jew servizz mixtri. Din il-kampanja edukattiva sseħħ primarjament permezz ta’ artikli informattivi ppubblikati fil-gazzetti lokali u anke fuq il-media soċjali. Barra minn hekk uffiċjali fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur jipparteċipaw b’mod regolari fi programmi fuq radju u televiżjoni li fihom jispjegaw u jiddiskutu d-drittijiet u r-responsabiltajiet tal-konsumaturi. Dan kollu sabiex il-konsumatur Malti jkun infurmat u edukat u biex kemm jista’ jkun jiġu evitati l-problemi li jista’ jkun hemm marbutin ma’ dan it-tip ta’ xiri.

Nisimgħu b’ħafna kampanji edukattivi dwar l-iskart li jkunu għaddejjin matul is-sena kollha, fit-total il-Maltin qegħdin japprezzaw li jżomm il-pajjiż aktar nadif?

Minn ilmenti li jidħlulna jidher li qed titqajjem iktar kuxjenza dwar l-indafa f’pajjiżna.  Sfortunatament għad hawn abbużi kbar fir-rimi illegali ta’ skart, kif ukoll il-ħrug tal-borża s-sewda meta ma tkunx ser issir il-ġabra fil-ġurnata.

Biex inkomplu nqajmu kuxjenza dwar l-indafa pubblika u l-irwol ta’ kull wieħed minnha fiż-żamma ta’ Malta nadifa, bdejna kampanja fl-iskejjel bl-isem ‘Flimkien għal Malta Nadifa’ mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol.

Dwar ġbir ta’ skart nisimgħu lmenti minn residenti ta’ lokalitajiet differenti fosthom tal-Belt, Tas-Sliema u Buġibba… resqin lejn pjan komprensiv nazzjonali?

Dalwaqt ser jitnieda proġett pilota fil-Belt Valletta li jista’ jservi  ta’ mudell għal diversi lokalitajiet oħrajn. F’dan il-pjan ser jiġi determinat kif, f’liema ħin,  u l-metodu ta’ kif jinġabar l-iskart fil-lokalità.

Ninsabu prattikament ftit ġimgħat ’il bogħod biex il-Belt Valletta tkun il-Belt Kulturali Ewropea, kif taħseb li din se tkun qed taffettwa l-futur tal-Kapitali tagħna?

Studji li saru minn esperti Ewropej dwar il-Kultura juru kif it-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura jibdel l-identità tat-tali Belt għall-aħjar. Beltna diġà kienet magħrufa għall-Istorja wiesgħa tagħha u għall-wirt arkitettoniku, iżda t-titjib fl-infrastruttura li sar propju minħabba Valletta 2018 se jibqa’ magħna biex ingawduh.

Fl-istess ħin, il-Belt Valletta se tkun ingħatat esponiment qawwi fid-dimensjoni internazzjonali li jattira iktar investiment fir-riċerka kulturali, iktar turisti, u jitlob ukoll għal iktar titjib fis-settur kulturali.

Il-proġett ta’ Valletta 2018  jistimula riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika fil-Belt Valletta u l-gżejjer Maltin permezz ta’ kollaborazzjoni, skambju u prattika innovattiva. Il-proġetti infrastrutturali li jinkludu l-proġett tal-MUŻA, ir-ripenerazzjoni ta' Strada Stretta, il-Valletta Design Cluster, kif ukoll is-Suq l-Antik, se jkunu parti mil-legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li se jibqgħu jsaħħu l-kultura lil hinn mill-2018.

Fil-futur se nkunu qed nerġgħu napplikaw f’isem xi belt oħra wkoll?

Il-Kummissjoni Ewropea tagħti dan it-titlu prestiġjuż lil żewġt ibliet kull sena. Malta se jerġa’ jkollha l-opporunità biex tospita t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fis-sena 2031.

More in Politika