‘In-nies jgħaddu ġuri fil-Qorti u mhux fi programm televiżiv’

  • Chris Fearne qal li mhux ġust li xi ħadd jagħmel ċertu allegazzjonijiet mal-midja imbagħad ma jitressqux il-provi fuq dak li jingħad
  • Id-Deputat Prim Ministru sostna li jekk il-Qorti tikkonferma l-allegazzjonijiet li saru, Konrad Mizzi u Keith Schembri jkollhom jirriżenjaw

Waqt intervista mal-ġurnalist Tim Sebastian fil-programm Conflict Zone li xxandar fuq Deutsche-Welle, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq li rridu nistennew il-kumpilazzjoni tal-provi u dak li se joħroġ mill-Qorti qabel naslu għall-konklużjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Enfasizza li f’sitt ġimgħat wara l-assassinju, l-Pulizija arrestaw persuni b’rabta mal-qtil u li f’pajjiż fejn hemm saltna tad-dritt li tiffunzjona trid tħalli l-ġustizzja tagħmel xogħlha.

Mistoqsi dwar it-28 każijiet li jikkonċernaw karozza bomba f’dawn l-aħħar 14-il sena, Chris Fearne qal li l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia kien wieħed xokkanti għall-pajjiż kollu fejn ċirku kriminali pprova jwassal il-messaġġ li l-libertà tal-kelma f’Malta hi mhedda.

Huwa spjega li fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia qed jipparteċipaw l-FBI, il-EUROPOL, l-NBI tal-Finlandja, l-esperti forensiċi Olandiżi u esperti oħra mir-Renju Unit flimkien mal-Pulizija Maltija u għalhekk din hija investigazzjoni internazzjonali.

Il-ġurnalist ta’ DW staqsa fuq iż-żjara tal-Kummissjoni Taljana tal-AntiMafja u d-dikjarazzjoni li għamlet Rosy Bindi, li l-Mafja qed tikber f’Malta u l-mafjużi qed isibu l-kenn f’pajjiżna.

Fearne qal li mhux ġust li xi ħadd jagħmel ċertu allegazzjonijiet mal-midja imbagħad ma jitressqux il-provi fuq dak li jingħad. Tim Sebastian staqsa għaliex lil Bindi ma ngħatatilhix il-lista ta’ min qed jixtri l-passaporti għaliex skontu din tista’ tgħin biex tonqos il-kriminalità.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment kienet approvata mill-Kummissjoni Ewropea u li l-Awtoritajiet Maltin lesti li jikkoperaw mal-Europol, jekk it-talbiet isiru minnha u jkunu konformi mal-liġijiet Maltin.

Mistoqsi fuq il-kumpaniji fil-Panama, Chris Fearne qal li hemm inkjesta Maġisterjali li tinsab għaddejja u jekk l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri jiġu ppruvati jkollhom jirriżenjaw u jaffaċjaw id-deċiżjoni tal-Qorti.

Qal li f’pajjiż fejn hemm is-saltna tad-dritt, ġurnalist għandu d-dritt li jgħid u jikteb li jrid iżda imbagħad il-persuna li tħossha offiża jew malafamata għandha d-dritt li titlob għal rimedju skont il-liġi.

Enfasizza li n-nies jgħaddu ġuri fil-Qorti u mhux fi programm fuq it-televiżjoni. Fearne qal li m’għandux informazzjoni jekk Konrad Mizzi ħallasx il-multa lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni meta naqas li jiddikjara l-kumpanija fil-Panama.

Dwar il-inkjesta, Tim Sebastian qal li l-Prim Ministru ried iwaqqaf il-proċeduri fil-Qorti dwar il-każ u allega li dan qed jagħmlu biex ma toħroġx il-verita. Fearne hawnhekk sostna li l-Prim Ministru, bħal kull ċittadin ieħor, għandu d-dritt li jiddefendi lilu nnifsu b’appell.

Qal li din hija parti mis-saltna tad-dritt u allegazzjonijiet li saru fil-passat dejjem ittieħdu b’serjetà kbira.

More in Politika