49 membru u eksmembru tal-Forzi Armati jingħataw medalja

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-Armata ma tixtieqx titlef persuni li taw 25 sena servizz

49 membru u eks membru tal-Forzi Armati ta’ Malta ngħataw medalja għal servizz twil f’ċerimonja li saret fil-barracks ta’ Ħal Luqa.

F’din iċ-ċerimonja 7 membri ngħataw il-Midalja tas-Servizz Twil u Effiċjenti, li tingħatha mat-18-il sena servizz; 29 membru ngħataw l-ewwel clasp, li tingħata mal-25 sena ta’ servizz; u 13-il membru ngħataw t-tieni clasp, li tingħata mat-30 sena servizz.

Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ħabbar li ħa toħroġ sejħa għal persuni biex jidħlu fi ħdan l-armata, kemm għal fizjali u kemm għal uffiċjali f’setturi speċjalizzati. Il-Ministru ħabbar li flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qed jevalwaw il-ftuħ ta’ kors fl-MCAST għal dawk li eventwalment jidħlu bħala rekluti malli jagħlqu t-18-il sena.

Farrugia qal li, flimkien, l-uffiċjali tal-armata u tal-ministeru tiegħu qed jaraw kif jistgħu jtejjbu l-kwalifiċi tal-uffiċjali u l-membri tal-FAM.

Huwa sostna li l-Armata ma tixtieqx titlef persuni li taw 25 sena servizz u għalhekk il-Ministeru u l-Armata qed jippruvaw joħorġu b’ideat u b’viżjoni li bihom itejbu l-kundizzjonijiet biex jibqgħu fi ħdan l-armata.  

Min-naħa tiegħu, il-Brigadier Jeffrey Curmi qal li l-Armata qed tħejji strateġija permezz ta’ tibdil fil-liġi li tirregola l-Volunteer Reserve Force, u qed taħdem fuq pjan olistiku sabiex jinħargu miżuri li jħajru kemm lill-membri biex ikunu jistgħu jibqgħu jagħtu kontribut wara li jirtiraw jew jagħlqu 55 sena, kif ukoll biex iħajjru lis-suldati u l-uffiċjali jibqgħu jservu għal karriera twila mingħajr ma jxekklu l-opportunitajiet tas-suldati ż-żgħar li jidħlu warajhom.

More in Politika