Azzjoni kontra 10 membri tal-Korp tal-Pulizija fuq 'użu ħażin' ta' siti soċjali

Diversi Kummissarji f'dawn l-erba' snin kienu voċiferi kontra l-użu ħażin ta' siti bħal Facebook minn membri tal-Korp

Azzjoni kontra 10 membri tal-Korp li użaw wara 'użu ħażin' ta' siti soċjali
Azzjoni kontra 10 membri tal-Korp li użaw wara 'użu ħażin' ta' siti soċjali

Il-Facebook u siti soċjali oħrajn jafu jġibuk fl-inkwiet. U fil-fatt hekk ġara lil 10 membri tal-Korp tal-Pulizija fl-aħħar erba snin u nofs, bl-aħħar wieħed ikun surġent li kiteb messaġġ illi fih qabbel id-demel mal-ġurnalista DCG li kienet għadha kif tilfet ħajjitha f'karozza bomba. 

Fl-2014 u l-2015 bdew proċeduri fil-konfront ta' sitt Pulizija Kuntistabbli, filwaqt illi fl-istess snin ittieħdet azzjoni kontra żewġ surġenti. Din is-sena, sa Novembru, ttieħdet azzjoni kontra żewġ membri tal-Korp. 

Minn dawn l-10, tmienja għadhom għaddejjin bil-proċeduri filwaqt li t-tnejn li nstabu ħatja telqu mill-Korp. 

Il-kwistjoni tal-użu tas-siti soċjali minn membri tal-Korp ilha kwistjoni li diversi Kummissarji wrew lilhom infushom voċiferi kontriha. Fil-fatt, minn korrispondenza li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra lbieraħ, jirriżulta li l-Kummissarju Peter Paul Zammit u anke Michael Cassar kienu wrew ruħhom determinati li jieħdu azzjoni. 

F'email iċċirkolata fi ħdan il-korp stess f'Ġunju 2015, Cassar kien wissa illi jekk sa qabel dakinhar ma kinitx qed tittieħed azzjoni fil-konfront ta' min jikser ir-regoli fuq dan is-suġġett, din l-azzjoni kienet se tibda tittieħed. 

Intant ilbieraħ fil-Parlament ukoll ħarġu ċifri li juru illi l-Korp tal-Pulizija jinsab b'166 Kuntistabbli inqas minn numru massimu biex ikollu full complement. Għandu wkoll bżonn 25 Surġent u 20 Surġent Maġġuri, inqas milli hemm bżonn biex ikun operattiv bil-massimu ta' pulizija. 

Din l-informazzjoni ingħatat fil-Parlament mill-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia għad-domandi parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina

 

 

More in Politika