Fi 15-il sena tressqu 25 persuna l-Qorti fuq akkużi ta' 'tixwix'

Bejn l-2015 u l-2017 saru l-akbar numru ta arresti fuq l-akkuża ta' 'tixwix' u mibgħeda razzjali, reliġjuża u dik konnessa mal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali

Il-mibgħeda: 25 persuna jitressqu fuq akkużi ta' tixwix u mibgħeda fi 15-il sena
Il-mibgħeda: 25 persuna jitressqu fuq akkużi ta' tixwix u mibgħeda fi 15-il sena

Fi 15-il sena, jiġifieri mill-2002 sa' Ottubru ta' din is-sena kien hemm b'kollox 25 persuna li tressqu l-Qorti wara li ġew akkużati b'reati ta' 'tixwix' għal mibgħeda razzjali, jew inkella kull forma oħra ta' tixwix kontra persuna fuq bażi ta' reliġjon, ġeneru, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, reliġjon jew opinjoni politika.

 Mis-sena 2002 sal-2005 fil-fatt ma tressaq ħadd fuq akkużi simili. ma tressaq ħadd lanqas fis-snin 2010, 2011, 2013 u 2014. Biex imbagħad fis-snin 2006, 2007, 2008, 2009 u 2012 itellgħet il-Qorti persuna waħda kull sena. 

L-aktar snin illi fihom ittellgħu nies il-Qorti kienu l-2015, l-2016 u l-2017. Matul dawn is-snin tressqu sitta minn nies, ħamsa u disa' rispettivament. 

Ħamsa mill-akkużati f'dawn il-15-il sena kienu lliberati mill-akkuża ta' tixwix, filwaqt li 12-il każ għadhom qed jinstemgħu fil-Qrati u allura huma sub judice. 

Minn dawk il-każi lili fihom l-akkużat instab ħati kien hemm erba' mill-akkużati li ngħataw sentenza sospiża u multa. Akkużat ieħor ingħata multa ta' €698. Filwaqt li persuna oħra ma nstabitx ħatja tar-reat ta' 'mibgħeda razzjali' jew xi forma ta' tixwix, imma ta' reat ieħor u ngħata piena ta' €5,000. 

F'każ ta' akkużat partikolari l-proċedimenti kienu 'eżawriti' filwaqt f'każ ieħor li jmur lura għall-2006 il-persuna ingħatat piena karċerarja.

Il-kwistjoni ta' 'tixwix', l-aktar imma mhux biss fuq bażi razzjali, tela' fuq nett tal-aġenda nazzjonali  l-aktar minħabba l-profilerazzjoni tal-użu tal-midja soċjali. 

Dawn iċ-ċifri ingħataw fil-Parlament, mill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia għad-domanda parlamentari tad-Deputat Karol Aquilina. 

More in Politika