L-MEPs jerġgħu jistaqsu kif ma kienx hemm pajjiżi Ewropej fil-lista tat-'tax havens'

Mhux biss MEPs Soċjalisti għamlu din il-mistoqsija imma wkoll mill-ALDE u l-PPE

Matul id-dibattitu fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport tal-Kumitat PANA, l-MEPs semmew ir-rapport tal-OXFAM u kif dan kien irrakkomanda li erba’ pajjiżi Ewropej għandhom jitqiesu bħala ‘tax havens’ u qalu li l-lista s-sewda li ppubblikat il-Kummissjoni Ewropea ma kinitx kuraġġuża biżżejjed.

Staqsew għaliex ma kienx hemm pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea f’din il-lista.

L-MEPs għal darb’oħra reġġgħu għamlu pressjoni għall-introduzzjoni ta’ taxxa minima fost il-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Fost l-MEPs li tkellmu dwar dan kien hemm ukoll ir-‘rapporteurs’ tar-rapport tal-PANA.

Tkellmu fuq il-ħolqien ta’ reġistru Ewropew dwar kumpaniji li jinqabdu li kienu nvoluti fl-evażjoni u l-ħasil tal-flus, u l-ħolqien ta’ taqsima finanzjarja fil-EUROPOL.

Fid-diskors tiegħu, l-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi Pierre Moscovici saħaq li l-Kummissjoni rċeviet kritika għax ma kienx hemm pajjiżi membri fil-lista s-sewda iżda saħaq li l-ebda pajjiż Ewropej ma jista’ jitqabbel mal-pajjiżi li jinsabu fil-lista.

Sostna li mhux kulmin jaħdem fis-settur finanzjarju huwa frodist jew involut f’illegalità u enfasizza fuq l-importanza li jkun hemm aktar qsim tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Unjoni, b’mod speċjali dwar kumpaniji kbar multi-nazzjonali.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat PANA Werner Langen saħaq fuq il-ħtieġa li tibqa’ ssir pressjoni fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u li jkun hawn kumitat Ewroparlamentari li jaħdem sal-aħħar tal-leġislatura. Qal li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jitkellmu fuq sanzjonijiet għal pajjiżi terzi iżda jridu jaraw li huma wkoll ikollhom il-liġijiet kollha jiffunzjonaw kontra l-ħasil tal-flus.

Sven Giegold mill-Ħodor saħaq fuq il-bżonn li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri kontra pajjiżi Ewropej li ma jikkoperawx kontra l-evażjoni tat-taxxa. L-istess argument li fuqu tkellmet is-Soċjalista Ana Gomes mill-istess kumitat.

Matul id-dibattitu ntqal li bdew 18-il proċedura fuq pajjiżi membri dwar ksur tal-liġijiet Ewropej kif ukoll 16-il proċedura oħra dwar it-transpożizzjoni tad-Direttiva Ewropea konta l-Ħasil tal-Flus (AMLD). Issemmiet Daphne Caruana Galizia u l-bżonn li jitħares id-dritt tal-libertà tal-espressjoni.

Matul din id-diskussjoni, ma kienx hemm MEPs Maltin li ndirizza s-seduta. Il-vot dwar ir-rapport tal-PANA se jittieħed għada.

More in Politika