Il-Maltin jaħsbu li ma tingħatax protezzjoni biżżejjed lil min jirrapporta l-korruzzjoni

Dan jirriżulta mill-konklużjonijiet tal-aħħar Ewrobarometru dwar il-korruzzjoni

Il-maġġoranza tal-Maltin jemmnu li f'pajjiżna ma tingħatax protezzjoni biżżejjed lil min jirrapporta l-korruzzjoni.

Dan jirriżulta mill-aħħar Ewrobarometru dwar il-korruzzjoni, li juri wkoll kif il-Maltin jaħsbu li huwa inutli li tirrapporta għax min iwettaq il-korruzzjoni ma jieħux li ħaqqu.

Il-maġġoranza tal-Maltin jemmnu wkoll li min jirrapporta l-korruzzjoni jispiċċa jidħol fi problemi mal-Pulizija u mal-Istituzzjonijiet.

Minn dan l-Ewrobarometru jirriżulta wkoll li l-Maltin jaħsbu li mhux qed jitressqu biżżejjed persuni l-Qorti biex dan ikun ta' deterrent kontra l-korruzzjoni.

Huma 83%, il-Maltin li jemmnu li l-korruzzjoni mhix aċċettabbli u filwaqt li 79% jemmnu li f'pajjiżna hawn il-korruzzjoni,  56% qalu li din ma taffetwahomx personalment.

Mill-Ewrobarometru jirriżulta li 63% tal-Maltin jaħsbu li hawn il-korruzzjoni fl-Istituzzjonijiet. 57% jemmnu wkoll li t-tixħim u l-abbuż tal-poter huma l-aktar komuni fost il-partiti politiċi filwaqt li 48% jaħsbu li hemm tixħim fil-hruġ tal-permessi għall-bini.

Huma biss 22% li jaħsbu li hawn trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi.

Hekk kif mill-istħarriġ irriżulta li 73% jaħsbu li hawn konnessjonijiet bejn is-settur tan-negozju u l-politika, 54% jaħsbu li biex tirnexxi fin-negozju f'Malta jrid ikollok konnessjoni mal-politiċi.

Il-konklużjonijiet li ħarġu minn dan l-Ewrobaromertu ġew analizzati fil-livell Ewropew, fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea.

More in Politika