Kumpaniji kbar qed jorbtu jdejn il-ġurnalisti bit-theddida tar-reklamar

  • Rapport Ewropew jipproponi liġijiet ċari kontra l-abbuż ta’ poter fuq il-midja
  • L-awtoritajiet iridu jaraw li x-xandir nazzjonali jkun verament newtrali

M’għandux ikun hemm differenzi fir-rata tat-taxxa tal-VAT li titħallas fuq il-materjal stampat u dak onlajn, fejn tidħol gazzetta.

Din jidher li se tkun it-triq li se tieħu l-Unjoni Ewropea u li joħroġ ukoll minn rapport li qed jaħdem fuqu l-MEP Malti Francis Zammit Dimech dwar il-libertà tal-istampa u l-pluraliżmu fix-xandir.

Francis Zammit Dimech huwa r-'rapporteur' tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew għal dan ir-rapport, hekk kif huwa membru tal-kumitat CULT, li huwa responsabbli mill-midja.

Filfatt fl-emendi li diġà tressqu għar-rapport, se jkun obbligu tal-pajjiżi membri li jsibu l-aħjar mod li jkun hawn newtralità fuq il-ħlas tat-taxxa tal-VAT u dan skont kif rakkomandat minn riżoluzzjoni li kienet ġiet approvata mill-Parlament Ewropew f’Ottubru ta’ sitt snin ilu, li tħeġġeġ l-appoġġ tal-inizjattivi relatati mal-midja.

Jinnota żieda fl-intimidazzjoni fuq il-ġurnalisti
L-MEPs fl-emendi mressqa għal dan ir-rapport jagħmlu wkoll enfasi partikolari kif il-libertà tal-istampa tinsab mhedda miż-żieda fl-intimidazzjoni li qed issir fuq il-ġurnalisti u l-mod kif jirrappurtaw.

Isemmu l-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia bħala eżempju. Ir-rapport huwa mistenni li jagħmel pressjoni fuq il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea sabiex jissalvagwardjaw ix-xogħol tal-ġurnalisti, bid-dritt fundamentali tal-bniedem tal-espressjoni tal-kelma.

Dan fil-kuntest ukoll li huwa wkoll id-dritt u fl-aħjar interess tal-pubbliku li jirċievu l-informazzjoni fattwali. Għalhekk ukoll irid jiġi mħares bl-aħjar mod il-protezzjoni tas-sors tal-ġurnalisti.

‘Xandir pubbliku verament indipendenti’
Fl-emendi mressqa għal dan ir-rapport, l-MEPs jisħqu fuq il-ħtieġa li jkun ix-xandir pubbliku jkun wieħed verament indipendenti u imparzjali fir-rappurtaġġ tal-ġurnalisti, mingħajr l-ebda forma ta’ ndħil politiku sabiex il-poplu jkun infurmat bl-aħjar mod fuq dak li jkun qiegħed jiġri.

Jagħfsu għalhekk fuq l-irwol tal-awtoritajiet tax-xandir nazzjonali rispettivi li jaraw li dan ikun qed iseħħ fl-aħjar interess tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. Hawnhekk jingħad li jekk tonqos il-kwalità tar-rappurtaġġ jispiċċa jiżdied il-fenomenu magħruf bħala ‘fake news’.

Interessanti wkoll kif qed jiġi kkunsidrat li l-websajt u s-siti onlajn tal-aħbarijiet qed jispiċċaw il-mira tal-kumpaniji l-kbar li jorbtulhom idejhom fir-rappurtaġġi tal-ġurnaliżmu bit-theddida tal-fondi u r-reklamar.

Għalhekk huwa mistenni li ssir talba lill-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi membri biex jegħlbu inkosistenzi li jeżistu f’dan ir-rigward u biex jaraw li jiċċaraw l-liġijiet biex ikun hemm aktar libertà tal-istampa u jonqos l-abbuż ta’ poter fuq il-midja, dan ukoll permezz ta’ strutturi trasparenti, b’monitoraġġ mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

Dawn irid ikollhom ir-responsabbilità li jaraw li dawn il-liġijiet ġodda jiġu osservati. 

Dwar id-dħul finanzjarju, ir-rapport jgħid li sfortunatament f’ċertu każ, il-ġurnaliżmu li huwa meqjus bħala xogħol professjonali, ma jġorrx miegħu paga adegwata u wħud mill-ġurnalisti fl-Ewropa saħansitra jispiċċaw fil-prekarjat.

Dan jispiċċa jikkomprometti negattivament xogħolhom u r-rappurtaġġ, u b’hekk ukoll il-kwalità tal-ġurnaliżmu fil-pajjiż rispettiv.

Finalment, ir-rapport se jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi membri biex jippromwovu bl-aħjar mod u jagħtu l-appoġġ tagħhom lil proġetti li jkunu immirati li jżidu l-litteriżmu fil-midja. Dan għandu jkun parti mill-politika edukattiva Ewropea.

Fil-ġranet li għaddew, Francis Zammit Dimech ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-midja f’Malta fejn ġabar l-informazzjoni u l-esperjenzi ta’ ġurnalisti Maltin u Għawdxin għat-tfassil ta’ dan ir-rapport.

Permezz ta’ dan ir-rapport, il-kumitat CULT qed jissuġġerixxi wkoll li f’riżoluzzjoni li qed titfassal mill-kumitat LIBE, li jikkonċerna d-drittijiet tal-bniedem, biex jinkludi l-punti ewlenin li ħarġu minn dan ir-rapport fl-istess riżoluzzjoni.

Dan sabiex tissaħħaħ il-libertà tal-istampa u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fl-aċċess għall-informazzjoni. 

More in Politika