Jirrifjuta li jiltaqa’ mal-Kummissarju... wara sitt emails ‘mhux imwieġba’

  • Peter Caruana Galizia jirrifjuta li jiltaqa’ mal-Kummissarju tal-Pulizija wara sensiela ta’ emails ‘mhux imwieġba’
  • Ditta Legali tgħid li kien hemm l-obbligu li DCG tkun protetta
  • Il-Gvern jgħid li l-familja hija mmotivata mill-‘istmerrija lejn l-istat Malti’

Ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia, Peter Caruana Galizia m’aċċettax talba mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar biex issir laqgħa bejniethom illi fiha tkun diskussa l-kwistjoni ta’ sigurtà tal-familja tal-ġurnalista li nqatlet permezz ta’ bomba mwaħħla fil-karozza tagħha.

Caruana Galizia rrifjuta li jiltaqa’ mal-Kummissarju wara li l-familja qed tinsisti illi bagħtet xejn inqas minn sitt emails f’temp ta’ erba’ ġimgħat. Fihom il-familja talbet biex isiru laqgħat dwar is-sigurtà tal-familja kif ukoll biex jilmentaw illi qed isiru jafu bid-dettalji tal-investigazzjoni mill-midja u permezz ta’ Twitter, mhux permezz tal-Pulizija.

Intant, it-tfal ta’ Caruana Galizia jidher li ngħataw parir biex ma jiġux jgħixu Malta għax qed iħossu li s-sigurtà tagħhom mhix assigurata.

Din l-informazzjoni toħroġ minn rapport ta’ ditta legali Brittanika Doughty Street Chambers, liema rapport kien ikkritikat bil-qawwa mill-Gvern li fi stqarrija akkuża lil din id-ditta b’parzjalità kif ukoll bi spekulazzjoni, bil-għan li tattakka Gvern elett demokratikament.

Ir-rapport li kien ippublikat nhar il-Ġimgħa filgħaxija jgħid illi fil-31 ta’ Ottubru Peter Caruana Galizia kiteb lill-Ispettur Nicholas Vella u f’isem uliedu; Matthew, Paul u Andrew, f’isem mart Andrew u f’isem Corinne Vella, oħt DCG, talab assigurazzjoni li lkoll jirċievu ‘protezzjoni adegwata tal-Pulizija.’ Caruana Galizia kien staqsa wkoll għal dettalji fir-rigward tal-assesjar tat-theddid li sar u xi protezzjoni kienet qed tingħata diġà. Minkejja dan, l-istess rapport li jgħid li ma kien hemm ebda tweġiba għal dan il-messaġġ.

Ġimagħtejn wara, ikompli jgħid ir-rapport li saħansitra jallega illi kien hemm ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ DCG, Matthew Caruana Galizia bagħat email oħra. Fiha fakkar lill-Ispettur Vella kif minkejja t-talbiet tal-familja, l-ebda tweġiba ma kienet waslet min-naħa tal-Korp.

Caruana Galizia reġa’ bagħat email ieħor l-għada. Fih huwa reġa’ wera x-xewqa tal-familja li tkun infurmata dwar; 1) Kif l-informazzjoni qed ‘tasal’ għand il-midja u talbet li ssir investigazzjoni fuq is-sors ta’ dawn l-istejjer u 2) li l-familja tkun kontinwament infurmata u aġġornata bil-proċess tal-investigazzjoni.

Għal darb’oħra ma kien hemm ebda rispons min-naħa tal-Pulizija jgħid id-dokument ippubblikat ftit sigħat ilu.

Nhar il-21 ta’ Novembru iben Caruana Galizia reġa’ bagħat email oħra lill-istess Spettur, din id-darba biex jagħmel ilment kontra Neville Gafà li, l-istess Caruana Galizia qed jallega illi tella’ ritratt ta’ ommu flimkien ma’ missieru fuq il-facebook, il-ġurnata ta’ qabel l-assasinju ta’ DCG. Matthew, bagħat ir-ritratt mal-istess komunikat. Iżda, għal darb’oħra ma kienx hemm risposta min-naħa tal-Pulizija.

Ir-rapport, li kien ikkritikat bil-qawwa mill-Gvern imma wżat mill-familja u anke mill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil li ddeskriva r-reazzjoni tal-Gvern bħala insult, ikompli jgħid illi jumejn wara (23 ta’ Novembru) reġgħet ntbagħtet email oħra.

F’din l-email Matthew Caruana Galizia, f’isem il-familja, reġa’ talab biex din tkun infurmata dwar id-direzzjoni u l-progress tal-investigazzjoni. Għal darb’oħra, jgħid ir-rapport tad-Ditta Legali f’Londra, ma kienx hemm risposta.

Sussegwentement iben Caruana Galizia bagħat email ieħor illi fih fakkar lill-Pulizija, li kien segwit minn dik li allegatament kienet l-ewwel tweġiba tal-Korp tal-Pulizija għall-email tal-familja xahar qabel.

Fid-29 ta’ Novembru l-Pulizija bagħtet komunikat lill-familja illi fih kien issuġġeriet li l-familja tiltaqa’ mal-Kummissarju tal-Pulizija. Madanakollu l-familja rrifjutat li tiltaqa’ ma’ Cutajar ‘qabel għall-inqas ikollna tweġibiet bażiċi bil-kitba.’

Ir-rapport tad-Ditta tal-Avukati, apparti li jissuġġerixxi li sar xi forma ta’ ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-konfront tal-familja jgħid ukoll li ‘huwa ċar mingħajr forma ta’ dubju illi kien hemm ksur tal-obbligazzjoni operazzjonali li tkun protetta Caruana Galizia.’

Dan ifisser illi dan ir-rapport qed jallega illi l-awtoritajiet fallew fil-qafas tal-offerta ta’ sigurtà lil Daphne Caruana Galizia, xi ħaġa li l-Gvern diġà rribatta.

Fil-fatt il-Gvern qed jisħaq illi kienet Daphne Caruana Galizia li qatt ma riedet sigurtà u li l-Kummissarju jew il-Gvern ma setax jisforza sigurtà fuq persuna li ma tridhiex.

L-Avukat tal-familja, Jason Azzopardi jinsisti iżda li s-sigurtà mhix invit u li l-Gvern kellu obbligu li joffri din is-sigurtà.
Intant jirriżulta mill-istess rapport li dakinhar tal-qtil l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra marru d-dar tal-familja biex jagħmlu xi mistoqsijiet.

Dan filwaqt li l-familja qed tgħid li nhar l-Erbgħa li għaddew l-istess Spettur Zahra kien iltaqa’ ma’ Peter Caruana Galizia biex jagħti dettalji forensiċi dwar il-bomba u kif din kienet attivata.
‘Il-familja Caruana Galizia tistmerr l-istat Malti’

Intant il-Gvern, fi stqarrija, sostna li huwa sorpriż kif ditta legali Ingliża qagħdet biss fuq informazzjoni li ngħatat lilhom mill-klijenti tagħhom biex ippubblikat rapport b'dak li qed issejjaħlu 'parir urġenti' lill-familja Caruana Galizia. 

"L-attentat biex jinkiteb ġudizzju li huwa kompletament parzjali qabel ma biss jibda jinstema' l-każ mhux etika u juri nuqqas ta' rispett lejn il-Qrati Maltin." 

Il-Gvern sostna li d-dokument qed jipprova b'mod sottili jagħti l-impressjoni li l-istat b'xi mod huwa mdaħħal fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u allura, bl-istess bażi ta' argument, l-ebda awtorità Maltija m'għandha tkun involuta fl-investigazzjoni." Il-Gvern qal li l-allegazzjonijiet huma 'irresponsabbli' u huma "intenzjonati biex inaqqsu mill-kredibbilità u l-awtorità tal-istituzzjonijiet Maltin."

Filwaqt li fakkar fl-involviment tal-FBI, il-Europol u t-tim forensiku Olandiż, il-Gvern qal li dan il-'parir legali' mhu xejn għajr informazzjoni parzjali, mhux informata u attakk spekulattiv fuq Gvern elett demokratikament.

Il-Gvern sostna li min kiteb ir-rapport qagħad fuq l-istmerrija li, skont il-Gvern, il-familja Caruana Galizia għandha lejn l-istat Malti.

Intant jirriżulta li fost il-klijenti ta’ Doughty Street Chambers huwa l-eks Prim Ministru Taljna Silvio Berlusconi li nstab ħati ta’ frodi ta’ taxxi fl-2013.

More in Politika