Is-Soċjalisti jaqblu mal-OXFAM u jridu li Malta tkun fuq il-lista s-sewda

Mal-gazzetta ILLUM il-Kummissjoni Ewropea kienet qalet li kull pajjiż fl-UE huwa 'konformi' mar-regoli ta' tassazzjoni

Malta għandha tkun fil-Lista s-sewda Ewropea, skont Oxfam u issa l-S&D
Malta għandha tkun fil-Lista s-sewda Ewropea, skont Oxfam u issa l-S&D

Minkejja li nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM żvelat kif Malta mhux se tkun fil-lista s-sewda tal-Unjoni Ewropea, kif fil-fatt ġara matul din il-ġimgħa l-ġurnal The Times tal-lum qed jirrapporta li l-Membri Parlamentari Ewropej Soċjalisti jridu jemendaw r-rapport PANA biex Malta, flimkien ma' tliett pajjiżi oħrajn, ikunu meqjusin bħala tax havens. 

Inċidentalment, l-istess ġurnal jirraporta kif huma l-istess pajjiżi li semmiet l-Oxfam fir-rapport tagħha li l-S&D jridu li jissejħu 'tax havens', jiġifieri Malta, l-Olanda , L-Irlanda u l-Lussemburgu. 

Mal-ILLUM kelliem tal-Kummissjoni Ewropea kien qal li kull pajjż huwa konformi mar-regoli ta' tassazzjoni. 

Kienet il-gazzetta ILLUM ukoll li żvelat l-ewwel dettalji tar-rapport Pana, b'numru ta' Membri Parlamentari Ewropej jagħmlu emendi li speċifikament isemmu lil Malta u saħansitra s-servizzi finanzjarji f'pajjiżna. 

L-istess rapport jgħid li, kif mistenni, l-MPE Laburisti Maltin fil-Parlament Ewropew se jivvutaw kontra.

Intant fi stqarrija l-PN sostna li huwa kontra l-pożizzjoni li qed jieħdu s-Soċjalisti u Demokratiċi. "Jekk tgħaddi tas-Soċjalisti Ewropej l-ekonomija ta’ Malta tieħu daqqa l-isfel u flimkien magħha l-għixien tal-familji Maltin. Il-Partit Nazzjonalista ilu għal snin jgħid li Malta mhux tax haven u minkejja diversi attentanti fil-passat dejjem ikkonvinċa li dan mhux il-każ."

PL: 'It-twissijiet tagħna ma kienux fiergħa'

Intant il-Partit Laburista fi stqarrija qal illi fil-Parlament Ewropew "se nibqgħu niġġieldu kull tentattiv immirat biex jimmina s-servizzi finanzjarji ta’ Malta, jiġi minn fejn jiġi u jagħmlu min jagħmlu. Dan japplika wkoll għal meta dawn it-tentattivi jiġu mill-istess grupp politiku tagħhna."

'Kif għamilna dejjem, kien minn kien fil-gvern, aħna se nibqgħu naħdmu biex nipproteġu s-sistema ta’ tassazzjoni ta’ pajjiżna li ġiet ikkonfermata bħala sistema trasparenti u konformi mal-ligijiet tal-Unjoni Ewropeja u l-istandards tal-OECD. Dan ġie ikkonfermat anke’ mill-kumitat PANA li żar pajjiżna aktar kmieni din is-sena.'

'Jidher bl-aktar mod ċar li kull meta wissejna li l-attentati kontinwi kontra pajjiżna kienu se jissarrfu biss biex jinfetaħ bieb beraħ ħalli jkun imminat s-servizzi finanzjarji f’Malta, din ma kienitx twissija fiergħa' tgħid l-istqarrija tal-PL. 

 

More in Politika