Qtil DCG | L-Istitut Internazzjonali tal-Ġurnalisti jitlob għal investigazzjoni 'imparzjali'

Pożittivi dwar l-arresti imma jsostnu li fid-dawl tal-istqarrijiet tal-familja Caruana Galizia, jeħtieġ issir investigazzjoni separata u imparzjali

Daphne Caruana Galizia ma' dak li kien l-Avukat tagħha Joseph Zammit Maempel
Daphne Caruana Galizia ma' dak li kien l-Avukat tagħha Joseph Zammit Maempel

L-Istitut Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ) qed jisħaq illi minkejja li saru l-arresti b'konnessjoni mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, jeħtieġ issir investigazzjoni 'imparzjali' fid-dawl ta' dak li stqarret il-familja Caruana Galizia fl-aħħar jiem. 

L-IFJ, partikolarment, isemmi r-rikors li sar il-Qorti biex id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta ma jibqax jinvestiga l-każ, minħabba li huwa r-raġel tal-Ministru Justyne Caruana. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-IFJ Anthony Bellanger insista li għalkemm huma jilqgħu l-arresti, "qed ninkoraġġixxu li ssir investigazzjoni imparzjali u indipendenti, li ma tkoprix biss l-evidenza superfiċjali tal-qtil, imma li ssib ukoll Caruana Galizia x'kienet qed tinvestiga. L-aqwa tribut u legat ta' DCG huwa li jkun hemm proċess ġudizzjarju ġust.'

Intant iktar kmieni illum l-gazzetta Taljana La Repubblica żvelat illi l-aħħar sms ta' wieħed mill-aħwa li kien arrestat nhar it-Tlieta, kien lil martu. Fih jgħid lil martu biex tiftaħlu flixkun inbid. 

 

More in Politika