Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Minn Jannar sa Settembru; L-industrija tal-'gaming' tikber b'€87 miljun

L-oqsma tar-retail u tal-lukandi u r-ristoranti kellhom żieda ta’ €90 miljun, jew 7%, filwaqt li l-oqsma tas-servizzi professjonali u amministrattivi kellhom żieda ta’ €190 miljun, jew 23%

Albert Gauci Cunningham / 6 ta' Diċembru 2017 12:23
Il-gaming; is-settur li qed kiompla jikber b'€87 miljun fl-ewwel disa' xhur tas-sena
Fit-tielet kwart tal-2017 l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret b’7.2%, li hija l-ogħla rata ta’ tkabbir qatt irreġistrata matul it-tielet kwart tas-sena mindu bdew jinġabru dawn il-figuri fis-sena 2000.

Stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi wkoll li, matul l-ewwel disa’ xhur tal-2017, huwa stmat li l-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna kiber b’7.2%, dan meta l-Kummissjoni Ewropea, fl-Autumn Economic Forecast, bassret li t-tkabbir ta’ pajjiżna matul l-2017 ser ilaħħaq 5.6%, u jkun l-ogħla fiż-żona ewro.

Fi stqarrija l-Gvern saħaq illi 'l-aċċellerazzjoni fir-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija ta’ pajjiżna seħħet minkejja li fix-xhur li għaddew l-Oppożizzjoni kienet tisħaq li l-ekonomija qiegħda f’periklu u li, jekk ma jkunx hemm bidla fid-direzzjoni, se jibdew jitilqu n-negozji minn pajjiżna.'

Kien hemm żewġ fatturi ewlenin li wasslu għat-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjizna. L-ewwel kienet żieda qawwija fil-konsum privat li kien xprunat minn tkabbir sostanzjali fid-dħul tal-ħaddiema. Fil-fatt, fl-ewwel tliet kwarti tas-sena, il-pagi f’pajjiżna kienu €205 miljun, jew 6.5%, ogħla milli kienu fl-istess żmien ta’ sena qabel. Riżultat ta’ dan it-titjib sostanzjali fid-dħul, l-istatistika uffiċjali turi li, sa issa, fl-2017 il-konsum privat żdied b’4.5%.

It-tieni fattur wara t-tkabbir ekonomiku qawwi kien l-andament pożittiv tal-azjendi. Fil-fatt, ċifri uffiċjali juru li l-profitti tan-negozji għolew b’€349 miljun, jew 10%, meta mqabbla mal-istess żmien ta’ sena qabel. Dan it-titjib qawwi fil-profitti wassal biex in-negozji jinvestu aktar minn €1.6 biljun matul l-ewwel tliet kwarti tas-sena.

Żvilupp ieħor li joħroġ mill-istatistika huwa li, fl-ewwel tliet kwarti tal-2017, l-ispiża tal-Gvern kompliet tkun ikkontrollata. Fil-fatt, il-konsum tal-Gvern kien 16% tal-ġid nazzjonali, kontra 20% fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. Dan jispjega għalfejn pajjiżna bħalissa għandu surplus fil-finanzi pubbliċi, kontra d-defiċit eċċessiv li kellu fil-passat.

Il-Gvern, li ta' d-dettalji tal-aħħar ċifri sostna li l-istatistika uffiċjali turi wkoll li s-settur finanzjarju kabbar l-operat b’€14 miljun, jew b’3.1%, fl-ewwel disa’ xhur tal-2017. Is-settur tal-online gaming kiber b’€87 miljun, jew b’10%, fl-istess żmien.

Setturi oħra tal-ekonomija wkoll raw żidiet tajba fl-operat tagħhom. Il-valur miżjud fil-manifattura fl-ewwel tliet kwarti tal-2017 żdied b’€47 miljun, jew b’8%. L-oqsma tar-retail u tal-lukandi u r-ristoranti kellhom żieda ta’ €90 miljun, jew 7%, filwaqt li l-oqsma tas-servizzi professjonali u amministrattivi kellhom żieda ta’ €190 miljun, jew 23%.     

Il-Gvwern temm jgħid li l-fatt li l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret b’7.2% fl-ewwel disa’ xhur tal-2017 "jikkonferma s-suċċess tal-politika ekonomika tal-Gvern. Fil-budget li għadda tħabbru miżuri li permezz tagħhom mhux biss il-ġid nazzjonali jitqassam aktar, imma wkoll jitpoġġa fuq sisien sodi għall-futur bis-saħħa ta’ investiment akbar fl-infrastruttura u fl-edukazzjoni. B’hekk, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jibqa’ jkun fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea u jkompli jiżdied il-ġid għall-familji u n-negozji tagħna."

Ir-ristoranti u l-lukandiera bi tkabbir qawwi fin-negozju
Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook