Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Editorjal | Tradituri, delegazzjonijiet u ħwejjeġ minxurin barra

Tradituri jew qed iwasslu l-messaġġ tagħhom aħjar u għandhom influwenzi politiċi ikbar mill-Laburisti fil-Parlament Ewropew? 

Albert Gauci Cunningham / 6 ta' Diċembru 2017 11:50
David Casa u Roberta Metsola, ħafna drabi fiċ-ċentru ta' ħafna kritika u tikketti ta' 'tradituri'.
Din tat-tradituri qabdet naqra art mhux ħażin u ċerti politiċi jidher illi lanqas jilħqu jixirfu fuq il-mezzi tax-xandir, speċjalment siti soċjali, li ma jkunux mogħtija t-tikketta ta’ ‘traditur ta’ pajjiżna’.

Issa din tat-traditur hija naqra “ħelwa”, biex inkunu diplomatiċi. Għaliex meta xi ħadd jgħajjar lil xi ħadd traditur għax imur f’pajjiż ieħor u jitkellem dwar affarijiet li min qed jisma’ jkun diġa semahom jew qara dwarhom qabel f’xi sit tal-aħbarijiet jew fuq xi sit soċjali, jkun qed jinsa l-effett reali tat-teknoloġija.

" L-ebda Membru Parlamentari Ewropew mhu qed jistenna, la lil David Casa u lanqas lil Roberta Metsola, biex imorru jgħidulhom li Daphne Caruana Galizia inqatlet bil-ħames karozza bomba li seħħet f’dawn l-aħħar sentejn"
 Jiġifieri, ejja nibdew mill-bażiku. L-ebda Membru Parlamentari Ewropew mhu qed jistenna, la lil David Casa u lanqas lil Roberta Metsola, biex imorru jgħidulhom li Daphne Caruana Galizia inqatlet bil-ħames karozza bomba li seħħet f’dawn l-aħħar sentejn. U l-ebda MPE mhu qed jistenna lil Casa jew lil Metsola biex jgħidulhom fuq min kienet tikteb Caruana Galizia u b’liema orgolju kienet tikteb kontra Muscat u l-Partit Laburista. U l-ebda MEP mhu qed jistenna lill-Partit Nazzjonalista biex joqgħod jgħidilhom illi ffaċċjat b’allegazzjonijiet serjissimi li għaddejjin flejjes mill-Ażerbajġan allegatament f’kont ta’ mart il-Prim Ministru, domna siegħat qabel bdiet investigazzjoni fuq il-bank Pilatus. Dawn l-affarijiet u ħafna iktar, ġew imxandrin fuq il-midja lokali u għax ngħixu f’dinja globalizzata fejn il-kelma u l-argument u d-dimostrazzjonijiet jinxterdu bħal-leħħa ta’ berqa, waslu mal-erba’ mkejjen tad-dinja.

Jiġifieri la Malta u l-ebda pajjiż fid-dinja demokratika u moderna tal-punent m’għandha bżonn ebda traditur biex imur ‘jikxef x’ġara Malta.’ Hemm bżonn li din l-idea romantika, imma ferm immuffata, ta’ Malta maqtugħa mid-dinja qisha xi forti tiġġieled kontra xi Dragut ġej għaliha bil-vapuri u l-merċenarji, nagħtuha ftit il-ġenb.

Malta la hi ċ-ċentru tad-dinja u lanqas xi gżira maqtugħa mir-realtajiet tekonoloġiċi. Illum ma ngħixux fi żmien il-medjuevu meta biex tgħaddi messaġġ kont tibgħat ħamiema u lanqas fi żmien il-gwerra bl-ispiji jkellmu lill-għadu.

Li qed jagħmlu MPEs bħal Casa u Metsola huwa li jagħtu l-isfumatura partiġġjana li jaqbel man-narattiva tal-Partit Nazzjonalista għax huwa fl-interess tal-Partit Nazzjonalista li jpinġi lil Malta daqslikieku kienet xi pajjiż fit-tarf tal-preċipizju. U ċerti fatti li ġraw, fosthom li dak ta’ Caruana Galizia hija l-ħames karozza bomba li ma kinitx solvuta (issa ttellgħu l-Qorti xi nies, tajjeb imma xorta għadu mhux solvut) qed jilgħab f’idejn min għandu l-interess (leġittimu) li jbiegħ in-narrattiva li Malta hija, jew kważi hija, dittatura.

"Jekk l-MEPs Nazzjonalisti qed jirnexxielhom jikkonvinċu lill-maġġoranza assoluta tal-Parlament Ewropew li f’Malta hawn theddida lis-saltna tad-dritt, sinjal li qed ikunu ħafna iktar effettivi mill-kollegi tagħhom mill-Partit Laburist"
Dan l-editorjal jixtieq ifakkar illi apparti Metsola, Zammit Dimech u Casa hemm tliet MPE oħrajn. L-MEPs Laburisti; Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi.

Jekk l-MEPs Nazzjonalisti qed jirnexxielhom jikkonvinċu lill-maġġoranza assoluta tal-Parlament Ewropew li f’Malta hawn theddida lis-saltna tad-dritt, sinjal li qed ikunu ħafna iktar effettivi mill-kollegi tagħhom mill-Partit Laburista. Li juri żewġ affarijiet jew xenarji possibbli.

Jew li vera l-affarijiet f’Malta huma daqstant ħżiena li l-ebda kontro-argument mhu b’saħħtu biżżejjed. Jew inkella li l-MEPs Nazzjonalisti għarfu jibnu netwerk politiku b’saħħtu biżżejjed li jmur lilhinn mill-Partit Popolari Ewropew u jikkonvinċi saħansitra nies bħal Ana Gomes,  li tpoġġi mas-Soċjalisti u Sven Giegold, tal-Ħodor.

Dan l-editorjal huwa konxju li l-fatt li MEP bħal Casa u Metsola jmorru fil-Parlament Ewropew u ‘jonxru l-ħwejjeġ maħmuġin’ ma togħġob xejn lil eluf ta’ Maltin. Imma jekk ridna nibqgħu insulari, missna ma dħalna xejn fl-Unjoni Ewropea.

Huwa xogħol dawk li jpoġġu mas-Soċjalisti u Demokratiċi li jagħtu l-isfumaturi tagħhom huma ta’ dak li qed jiġri f’Malta, biex imbagħad l-MEPs għal konklużjoni huma waħdehom.

"Minflok nieħdu għalina u nidħlu ġo qoxortna, u noqgħodu nisħtu lill-Unjoni Ewropea u ngħajjru lin-nies tradituri, jkun ferm aħjar li ma nagħtux ħabel lil min irid jgħallaqna u l-injama lil min irid isawwatna biha..."
Naturalment, wieħed jifhem li hemm min għandu interess li jattakka lil Malta u naturalment nifhmu wkoll li hemm ħafna li se jużaw dibattiti u delegazzjonijiet bħal ta’ din il-ġimgħa biex jipprovaw joskuraw lil pajjiżna u jdaħħlu miżuri li Malta ma jaqblilhiex li jidħlu (fis-servizzi finanzjarji primarjament).

Minflok nieħdu għalina u nidħlu ġo qoxortna, u noqgħodu nisħtu lill-Unjoni Ewropea u ngħajjru lin-nies tradituri, jkun ferm aħjar li ma nagħtux ħabel lil min irid jgħallaqna u l-injama lil min irid isawwatna biha. Fejn hemm il-ħażin, ejja nirranġaw.

Lets get our house in order, kif ngħidu bl-Ingliż.

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook