Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Malta se tirreżisti miżuri li jżidu l-ispejjeż tal-operaturi fit-trasport

Il-Ministru Ian Borg jgħid dan waqt laqgħa tal-Kunsill tat-Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Albert Gauci Cunningham / 6 ta' Diċembru 2017 11:30
Il-Ministru Ian Borg | Ritratt; Ray Attard
Waqt li kien qiegħed jattendi laqgħa tal-Kunsill tat-Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija fi Brussell, il-Ministru Ian Borg qal li Malta se tkompli tirreżisti miżuri protezzjonisti li jistgħu jwasslu għal aktar infiq fis-settur tat-trasport li  jista’ jikkawża spejjeż akbar għall-operaturi.

Il-Ministru Borg qal li hu jilqa’ l-objettivi li huma mistennija jtejbu l-operat tas-suq tat-trasport filwaqt li jissimplifikaw proċeduri assoċjati. Huwa għaraf ukoll l-importanza tas-settur tat-trasport għall-ekonomija Maltija, u qiegħed jeżamina dan il-pakkett b’mod ħolistiku filwaqt li jikkonsidra t-tibdiliet f’dan is-settur, hekk kif dawn jistgħu jħallu impatt fuq l-ambjent ekonomiku Ewropew kollu u mhux biss is-settur tat-trasport. Huwa rrefera wkoll għall-progress li sar fuq dawn il-files waqt il-Presidenza tal-Estonja.

Il-punti ewlenin tad-diskussjonijiet li saru waqt din il-laqgħa kienu jkopru l-Pakkett tal-Mobbiltà—sett komprensiv ta’ regoli u wieħed mill-akbar pakketti li qatt kellu x’jaqsam miegħu l-Kunsill. Il-pakkett ikopri regoli relatati mas-suq, mal-aspett soċjali u tariffi stradali li mistennija jimmodernizzaw il-mobbiltà u t-trasport Ewropej. L-għan ta’ dan il-pakkett tal-mobbiltà huwa li jgħin lis-settur sabiex jibqa’ kompetittiv filwaqt li jissalvagwardja d-drittijiet soċjali tas-sewwieqa.

Il-Kunsill TTE ddiskuta wkoll il-proposta għal Regolazzjoni dwar is-Salvagwardja tal-Kompetizzjoni fit-Trasport fl-Ajru u l-futur tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni. Id-diskussjoni kienet tkopri wkoll il-kompetittività u l-konnettività fl-UE.

Ian Borg laqa’ l-progress li sar fuq il-file u esprima l-ottimiżmu tiegħu għal settur tal-avjazzjoni b’saħħtu u kompetittiv fl-UE.

Fejn jidħol il-qasam marittimu, il-Ministru Ian Borg qal li l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali hija kommessa għall-kisba ta’ kontribut xieraq mit-tbaħħir favur ir-realizzazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Malta, qal il-Ministru, tistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tal-Istrateġija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-bastimenti fl-IMO f’April 2018.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook