Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Sant: 'Iva għat-trasparenza, imma le għall-armonizzazzjoni tat-taxxa'

l-MPE Malti Alfred Sant joġġezzjona għal rata simili ta' taxxa madwar l-UE kollha...

Albert Gauci Cunningham / 6 ta' Diċembru 2017 11:24
Alfred Sant waqt intervent fil-konferenza tal-ETAF
Alfred Sant esprima l-appoġġ tiegħu favur miżuri għal aktar trasparenza fit-taxxa iżda oppona l-proposti dwar miżuri għall-armonizzazzjoni tat-taxxa fuq livell Ewropew meta ntalab jindirizza l-konferenza “Nibnu sistema tat-taxxa fl-UE” organizzata mill-European Tax Adviser Federation (ETAF) fi Brussell.

Il-Kummissarju Ewropew Pierre Moscovici kien preżenti għal din il-konferenza li kellha l-għan tgħaqqad l-Ewroparlamentari, rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenti tal-Kunsill tal-UE u professjonisti fil-qasam tat-tassazzjoni bl-għan li jkun diskuss ir-rwol tal-intermedjarji f’ “sistema Ewropea ta’ taxxa aktar ġusta”.

Dr Sant saħaq li din il-leġiżlazzjoni “hija diġa` pass ’il quddiem li jiddefinixxi u jirregola kif se jkunu qed jaħdmu l-intermedjarji”. Mistoqsi dwar kif il-korporazzjonijiet se jkunu qed jirreaġixxu, Dr Sant saħaq li jista’ jkun hemm reazzjonijiet psikoloġiċi mill-klijenti, imma min-naħa l-oħra, “mhux il-korporazzjonijiet kollha huma immorali u qarrieqa”.

“Huwa normali li l-korporazzjonijiet iridu jimminimizzaw il-kont tat-taxxa tagħhom, il-kwistjoni hija hux qed jagħmlu dan b’mod legali jew le. Nemmen li numru kbir ta’ korporazzjonijiet jixtiequ ppjannar tat-taxxa li hu legali u trasparenti,” qal l-Ewroparlamentari Malti.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew se jkunu qed jipproponu l-emendi tagħhom fuq id-Direttiva tat-Tassazzjoni waqt diskussjonijiet li se jibdew il-Ħamis fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew (ECON). 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook