Possibilità li titressaq mozzjoni ta sfiduċja biex Graziella Galea titneħħa minn Sindku

  • Il-PL b'maġġoranza ta' Kunsillieri fil-Kunsill ta' San Pawl il-Baħar - Ilbieraħ il-Kunsillieri Laburisti ltaqgħu f'ristorant u ddiskutew x'passi se jieħdu
  • L-eks Kunsillier tal-PN Robert Piscopo ma jweġibx meta mistoqsi jekk hux se jressaq mozzjoni ta' sfiduċja f'Galea

Is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar Graziella Galea
Is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar Graziella Galea

Wara r-riżenja ta' tliet Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, b'Joseph Vella u Robert Piscopo jibqgħu Kunsillieri indipendenti, issa jidher li hemm il-possibilità li titressaq mozzjoni ta' sfiduċja fis-Sindku tal-lokalità Graziella Galea. Dan is-sit jinsab infurmat illi Galea qed tiffaċċja pressjoni biex tirreżenja u jekk ma jiġrix dan mhux qed ikun eskluż li jew din il-ġimgħa jew id-dieħla titressaq mozzjoni ta' sfiduċja f'Graziella Galea bħala Sindku. Il-probabilità hija li l-mozzjoni ssib l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Kunsill bil-Kunsillieri Laburisti, sitta b'kollox jivvutaw biex titneħħa Galea u magħha jingħaqdu Vella u Piscopo. Mhux eskluż li Kunsillier wieħed mill-ħamsa li għadhom jirrapreżentaw lill-PN ukoll jivvutaw biex titneħħa Galea. 

Intant dan is-sit jinsab infurmat li l-Kunsillera Laburisti ilbieraħ filgħaxija iltaqgħu fir-ristorant 'Gillieru' fejn iddiskutew x'passi se jkunu qed jieħdu fil-konfront tas-sitwazzjonji preżenti. Għalkemm mhux magħruf x'iddeċidew jidher illi Alfred Grima huwa l-favorit fost dawn is-sitta biex ikun Sindku jekk Galea tkun sfiduċjata. Huwa possibbli wkoll li jkunu l-Kunsillieri Laburisti li jitolbu vot ta' sfiduċja f'Galea. 

Dawk li tkellmu ma' dan is-sit spjegaw kif azzjoni ta' dan it-tip issa hija inevitabbli hekk kif qed jidher ċar li Galea m'għadx għandha l-appoġġ tal-maġġoranza fil-Kunsill. 

L-illum.com.mt għamlet kuntatt ma' Robert Piscopo u staqsietu jekk hux se jkun hu li jressaq mozzjoni ta' sfiduċja f'Galea wara r-riżenja tiegħu. Huwa sostna li qal li kellu jgħid dwar ir-riżenja tiegħu u li f'dan l-istadju m'għandux xi jżid. 

Apparti Piscopo u Vella, fl-aħħar ġimgħat irreżenja wkoll il-Viċi Sindku David Thake. Dan iżda rreżenja mill-Kunsill ukoll u allura postu se jieħdu Kunsillier Nazzjonalist ieħor. Thake irreżenja wara li stqarr li ma jistax jibqa' jirrapreżenta lill-PN, b'Adrian Delia bħala Kap. 

More in Politika