David Agius u Robert Arrigo jinħatru Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista

Se jkunu qed jieħdu post Mario de Mario u Beppe Fenech Adami 

David Agius u Robert Arrigo huma ż-żewġ Viċi Kapijiet ġodda tal-Partit Nazzjonalista.

Wara li tħabbru r-rebbieħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li mhux minnu li l-Partit Nazzjonalista spiċċa jew li jinsab x’agunija.

Saħaq li dan kien mument ta’ tiġdid għall-partit li kompla b’dawn l-elezzjonijiet.

Delia enfasizza li l-PN b’mod ġdid jinsab determinat li joffri opportunitá u alternattiva għall-Gvern.  

David Agius ġie elett Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament b'5737 u b'hekk ħareġ rebbieħ mal-kontestant l-ieħor Edwin Vassallo li akkwista 4908 vot. 

Agius fil-preżent huwa wkoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Huwa qal li se jkun qed jaħdem sabiex l-Oppożizzjoni tkun waħda kostruttiva, kredibbli u serja. 

Mill-banda l-oħra, Edwin Vassallo saħaq li se jibqa' ta' servizz, b'lealtá lejn il-prinċipji tal-partit. 

Robert Arrigo ġie elett Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit wara li għeleb lil Toni Bezzina f’din l-elezzjoni.

Arrigo kien l-ewwel wieħed li ġie elett f’dawn l-elezzjonijiet b'9,168 u Bezzina jakkwista 1,476.

F’kumment wara li ġie kkonfermat li sar Viċi Kap, Robert Arrigo enfasizza li l-messaġġ tan-nies mhux se jaqa’ fuq widnejn torox.

Min-naħa tiegħu, Toni Bezzina qal li jinsab lest li jaħdem ma’ Arrigo u ma’ Adrian Delia u awgura li wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss ikun hemm Gvern Nazzjonalista. 

David Agius u Robert Arrigo se jkunu qed jieħdu post Mario de Marco u Beppe Fenech Adami rispettivament fil-karigi rispettivi tagħhom. 

Fl-elezzjonijiet għall-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista vvutaw 92.1% ta’ dawk li ġabru d-dokument tal-vot, li kienu jammontaw għal 11,546.

Minn dawn ivvutaw 10,785. Dawk li ġabru d-dokument tal-vot kien jammonta għal 65% tat-18,000 tesserat tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika