Aġġornata | Tagħlaq il-votazzjoni għall-Viċi Kapijiet tal-PN

  • 65% tat-tesserati jiġbru d-dokument tal-vot
  • Allura se jivvutaw 21% minn dawk li vvuttaw għal Kap 

Għalqet il-votazzjoni għall-elezzjoni għall-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista. 

Il-kandidati fl-elezzjonijiet kienu David Agius u Edwin Vassallo għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament, filwaqt li Robert Arrigo u Toni Bezzina kkontestaw għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit.

Għal din l-elezzjoni bħalma sar fil-każ tal-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista kienu eleġibbli li jivvutaw it-tesserati.

Kienu 11,546 li ġabru d-dokument tal-vot jew 65% tat-18,000 tesserat tal-partit. Minnhom 2,498 ivvutaw is-Sibt li għadda waqt l-‘early voting’.

Għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fejn kien ħareġ rebbieħ Adrian Delia kienu ġabru l-vot 86% tat-tesserati tal-partit jew 15,501.

Dan ifisser li għall-Viċi Kapijiet se jkunu qed jivvutaw 21% inqas.

Bl-elezzjonijiet għall-Viċi Kapijiet jintemmu l-elezzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista, li se jkollu tmexxija u amministrazzjoni sħiħa ġdida.

Dan hekk kif fl-4 ta’ Novembru li għadda nħatru l-membri għall-Kumitat Eżekuttiv tal-partit, fejn kienu kkontestaw 39 raġel u 20 mara għal 18-il post fil-kumitat.

Dakinhar kienet inħatret ukoll Kristy Debono bħala President tal-Kunsill Ġenerali hekk kif ġabet 638 vot u għelbet lil Ċensu Galea li ġab 622 vot.

Ilbieraħ għalqu n-nomini għall-karigi amministrattivi fil-Partit Nazzjonalista, bi Clyde Puli jkun l-uniku wieħed li tefa’ n-nomina għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali.

Għall-karigi l-oħra kien hemm dawn in-nomini, Mark Anthony Sammut għal President tal-Kumitat Eżekuttiv, David Stellini għal President tal-Kunsill Amministrattiv, David Camilleri għal Teżorier u Roselyn Borg għal Segretarju Internazzjonali.

Il-ħatriet għal dawn il-karigi se ssir waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li se ssir fit-23 ta' Novembru li ġej.

Intant Pierre Portelli nħatar Chairman tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, l-Media.Link.

More in Politika