Clyde Puli l-unika nomina għal Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista

  • Pierre Portelli jinħatar Chairman Eżekuttiv tal-Media.Link
  • David Casa għażel li ma jikkontestax din il-kariga u jibqa' MEP

Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli kien l-uniku persuna li tefa’ n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-partit u b’hekk b’kull probabbilità se jkun maħtur bħala s-suċċessur ta’ Rosette Thake f’din il-kariga.

Puli kien l-uniku persuna li tefa’ n-nomina wara li aktar kmieni, Pierre Portelli li wkoll kien qed ikun imsemmi għal din il-kariga nħatar bħala Chairman Eżekuttiv tal-Media.Link, il-kumpanija tal-midja tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa wkoll kien interessat għal din il-kariga iżda għażel li ma jikkontestax.

Fi stqarrija, Casa qal li jħoss li jista’ jkun ta’ kontribut akbar lejn il-Partit Nazzjonalista jekk iżomm il-kariga ta’ MEP u jibqa’ jaħdem minn Brussell.

Clyde Puli, li ħafna kienu qed jistennew li jikkontesta għal kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit, irid jgħaddi minn vot fl-Eżekittiv tal-partit biex jinħatar uffiċjalment bħala Segretarju Ġenerali.

Għall-karigi l-oħra kien hemm dawn in-nomini:

Mark Anthony Sammut għal President tal-Kumitat Eżekuttiv

David Stellini għal President tal-Kunsill Amministrattiv

David Camilleri għal Teżorier

Roselyn Borg għal Segretarju Internazzjonali

Il-ħatriet għall-karigi se ssir waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li se ssir fit-23 ta' Novembru li ġej. 

More in Politika