Aġġornata: Xahar mill-qtil brutali ta' Daphne Caruana Galizia

  • Occupy Justice jpoġġu weraq tar-rand fuq it-taraġ ta' Kastilja 
  • Simon Busuttil jgħid li s-sitwazzjoni għadha 'ddisprata'

Fi żmien xahar mill-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia b’karozza bomba, Occupy Justice poġġew weraq tar-rand quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat fuq it-taraġ tal-Berġa ta’ Kastilja.

Mar-rand ħallew ukoll messaġġ fejn fakkru lill-Prim Ministru li diġà għadda xahar iżda baqgħet ma tteħdietx azzjoni għat-talbiet li huma ressqulu.

Kienu attivisti mill-Occupy Justice li poġġew ir-rand fuq it-taraġ ta’ Kastilja u kienu lebsin flokkijiet bil-kliem ta’ Caruana Galizia dwar il-korruzzjoni.

L-attivisti qed jitolbu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali u li s-suċċessuri tagħhom jinħatru bl-approvazzjoni ta’ tliet kwarti tal-Kamra tar-Rappeżentanti.

Il-weraq tar-rand qed jintuża mill-attivisti bħala sinjal ta’ għaqda u kuraġġ wara li kienu ulied Caruana Galizia li taw weraq mill-ġnien ta’ ommhom lill-attivisti bħala sinjal ta’ gratitudni meta kienu qed jagħmlu dimostrazzjoni bit-tined fi Pjazza Kastilja.   

 

F'kumment fuq il-mezzi soċjali, l-eksKap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fakkar li għadda xahar minn dan il-qtil.

Qal li għadda xahar minn meta l-ġustizzja u s-saltna tad-dritt f'Malta kkollassaw.

Sostna li d-demokrazija għadha f'riskju u ddeskriva s-sitwazzjoni hija 'ddisprata', mill-kwotazzjoni ta' Caruana Galizia. 

Il-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ġustizzja u Paċi, qed tħeġġeġ liċ-ċittadini kollha biex jirriflettu fuq il-qagħda tas-soċjetá llum, biex jieħdu azzjoni konkreta, jaħdmu għall-ġid komuni u jippromwovu l-paċi.

Il-Kummissjoni qalet li xahar wara għadu qed jinħass nuqqas ta’ paċi.

Intqal li s-soċjetá ġusta hija dik fejn is-saltna tad-dritt hija garantita, fejn id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet huma rispettati mhux biss mill-Istat imma wkoll minn kull individwu, fejn kulħadd huwa ndaqs quddiem il-liġi.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Aktar tard filgħaxija fil-Belt Valletta ġiet organizzata dimostrazzjoni silenzjuża oħra fejn attendew madwar 500 persuna. 

Għal din id-dimostrazzjoni fl-għeluq xahar mill-qtil ta' Caruana Galizia, id-dimostranti appellaw lil dawk preżenti biex ma' jaqtgħux qalbhom u jibqgħu jsemmu leħinhom. 

More in Politika