'L-UE kollha trid tgħin fil-każ ta' DCG' - Tajani

  • Saħaq li bħala President tal-PE u ċittadin Ewropew qed jippretendi li toħroġ il-verità 
  • Il-Europol u Scotland Yard lesti li jgħinu wkoll 

Is-summit Ewropew li qed isir fi Brussell bejn ilbieraħ u llum, li għalih qed jattendu l-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, infetaħ b’rimarki mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Tajani qal li ħafna qed jitolbu investigazzjoni internazzjonali estensiva għaliex il-qtil ta’ Caruana Galizia għaliex jistgħu ikunu nvoluti entitajiet li jmorru lil hinn minn Malta.

Filwaqt li stqarr li għandu fiduċja fil-Pulizija Maltija bħalma għandu fiduċja fil-forzi tal-ordni tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, Tajani qal li jaf ma jkun biżżejjed il-ħidma tal-Pulizija Maltija biss filwaqt li appella lill-awtoritajiet Maltin biex jieħu l-passi kollha meħtieġa.

Antonio Tajanai qal li ma jistax ikun li fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia l-Ewropa kollha ma tiċċaqlaqx u tagħti sehem sħiħ, għaliex ma nistghux naccettaw li ġurnalist ma jinvestigax.

Saħaq li bħala President tal-Parlament Ewropew u ċittadin Ewropew qed jippretendi li toħroġ il-verità u li qtil bħal dan ma jerġax isir.

Qal li każijiet bħal dawn m’għandhomx jibqgħu isiru fl-Ewropa, għaliex l-Unjoni Ewropea tiġġieled għal-libertà tal-espressjoni madwar id-dinja kollha.

Tajani fakkar kif il-Parlament Ewropew se jkun qed jiddiskuti l-qtil ta’ Caruana Galizia matul is-sessjoni plenarja tal-ġimgħa d-dieħla.

Fil-ftuħ tas-summit, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Europol u Scotland Yard ukoll lesti li jagħtu l-għajnuna tagħhom fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fil-preżent f’Malta hawn esperti tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) kif ukoll esperti forensiċi mill-Olanda, filwaqt li fil-ġranet li ġejjin mistennija wkoll l-iskwadra ta’ kontra l-Mafja tal-Pulizija Taljana.

Matul is-summit fi Brussell, il-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej se jkunu qed jiddiskutu l-Brexit kif ukoll is-sigurtá u d-difiża, l-immigrazzjoni, l-ażil u s-settur diġitali.

More in Politika