Filmat | Petizzjoni onlajn biex jitneħħa l-Kummissarju tal-Pulizija

  • Il-grupp Kenniesa tal-Kabinett se jressqu petizzjoni lill-Ministru għall-Intern 
  • Il-Ministru Michael Farrugia jgħid li huwa importanti li ma jsirux attakki personali 

Eluf ta’ persuni qed jiffirmaw petizzjoni onlajn mressqa mill-grupp Kenniesa tal-Kabinett, li qed titlob ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Il-grupp qed jitlob ir-riżenja tal-Kummissarju b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia.

Il-petizzjoni tgħid li bħala nazzjon mhux qed iħossuhom f’sigurtá meta l-Kummisarju tal-Pulizija ma jitkellimx u lanqas ma jieħu azzjoni f’dawn ż-żminijiet.

Il-petizzjoni qed titlob li jinħatar Kummissarju ġdid li jkun imparzjali u li jerġa’ jagħti lura l-fiduċja tal-poplu fil-Korp tal-Pulizija f’Malta.

Bosta persuni u kummentaturi staqsew fuq il-pożizzjoni tal-Kummissarju matul dawn l-aħħar ġranet, b’uħud jitolbu wkoll ir-riżenja tiegħu, b’mod speċjali l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fid-diskors tiegħu fil-Parlament.

 

Meta kien mistoqsi dwar dan mill-ILLUM, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li “Alla ħares għal kull qtil li jkun hawn ikollna persuni li jirriżenjaw.”

Saħaq li d-dmir tal-Kummissarju tal-Pulizija huwa li jikkordina x-xogħol sabiex jiġi solvut il-każ.

Il-Ministru Farrugia qal li bħalissa huwa importanti li ma jsirux attakki personali imma li nkunu pajjiż wieħed magħqud meta hawn min irid jeqred id-demokrazija tal-pajjiż.

Il-petizzjoni bil-firem li qed jinġabru onlajn se titressaq lill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia.

More in Politika