Aġġornata | 'Trid iġġorr ir-responsabbilità u tirriżenja' - Delia lil Muscat

  • Adrian Delia qal li l-Prim Ministru jrid iġorr ir-responsabbilità politika għall-qtil ta' Caruana Galizia
  • Jgħid li għandhom jitneħħew il-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat irid iġorr ir-responsabbilitá politika tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u għalhekk għandu jirriżenja minnufih.

Delia saħaq li jekk il-Gvern huwa sinċier li jrid jerġa’ jara t-tisħiħ tas-saltna tad-dritt għandu jneħħi b’mod immedjat lill-Kummissarju tal-Pulizija u s-suċċessur tiegħu għandu jinħatar b’żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Qal li għandu jinbidel ukoll l-Avukat Ġenerali u jirriżenjaw in-nies kollha appuntati mill-Gvern u minflokhom jinħatru nies indipendenti mir-rabtiet politiċi.

Saħaq li wara r-riżenja tal-Prim Ministru, l-Oppożizzjoni se tkun lesta li tgħin biex il-pajjiż jerġa’ jsir wieħed normali u tirrenja s-saltna tad-dritt u d-demokrazija.

Adrian Delia qal li l-Prim Ministru huwa responsabbli politikament għax injora li jagħti sigurtá lil ġurnalista li kienet ferm tikkrtika lill-Gvern Laburista u dan meta kellu obbligu li jagħti s-sigurtá mistħoqqa.

Delia saħaq li ħadd ma huwa qed jistenna li l-Kamra tar-Rappreżentanti tibqa’ għaddejja bix-xogħol qisu xejn mhu xejn.

Sostna li 40 sena mill-qtil ta’ Raymond Caruana kellu jkun hu li jgħid li t-tweġiba għall-baġit saret għal kollox irrilevanti.

L-Oppożizzjoni għandha fiduċja fil-Maġistrat Anthony Vella

Quddiem il-bini tal-Parlament Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni għandha fiduċja fil-Maġistrat Anthony Vella. Sostna li għandu jkollna fiduċja fl-istituzzjonijiet u mhux fl-ismijiet u għandna naħdmu biex il-Qrati jagħtuna l-ġustizzja.

Adrian Delia qal li mhux qed ngħixu f’pajjiż normali u ma setgħax joqgħod jitkellem fuq il-baġit meta l-Gvern qed idaħħal il-kultura li xejn mhu xejn.

Saħaq li l-poplu għandu d-dritt li ssir ġustizzja u appella biex il-poplu kollu jitkellem flok dawk li qed ikollhom jibqgħu siekta, biex terġa tirrenja d-demokrazija u s-sewwa.

Il-Prim Imħallef assenja lill-Maġistrat Anthony Vella l-inkjesta tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan wara li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera talbet lil-Prim Imħallef biex ma tkunx aktar hi li tmexxi din l-inkjesta.

More in Politika