Filmat | Il-KE tgħid li għadu kmieni biex tikkunsidra passi kontra Malta

Kelliem għall-KE qal li għadu kmieni biex jittieħdu passi kontra Malta dwar ksur tas-saltna tad-dritt

Il-KE tikkundanna l-qtil ta' DCG u tistenna li ssir ġustizzja 

Il-Kummissjoni Ewropea mhix lesta li f’dan il-waqt tispekula u tieħu xi passi kontra l-Gvern Malti wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ġurnalist staqsa l-kelliem għall-Kummissjoni Margaritis Schinas jekk hux se jittieħdu passi kontra l-Gvern Malti fuq tnaqqir tas-saltna tad-dritt.

Dan bl-istess mod kif il-Kummissjoni ħadet passi kontra l-Ungerija u l-Polonja.

Il-Kelliem qal li l-pożizzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker hija ċara, li qed jistenna li ssir ġustizzja. 

Enfasizza li issa mhux il-waqt tal-ispekulazzjonijiiet imma jrid jingħata ż-żmien meħtieġ biex l-Awtoritajiet Maltin jagħmlu xogħolhom.

Għall-mistoqsija ta’ ġurnalist ieħor, il-kelliem ikkonferma li Juncker tkellem mal-Prim Ministru Joseph Muscat fuq dan il-każ.

Jean Claude Juncker għada se jiltaqa’ għall-ewwel darba mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia filwaqt li l-Ħamis se jiltaqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew.

Matul il-konferenza ġie mistoqsi wkoll jekk il-Kummissjoni hix qed tistenna li Malta wkoll tipparteċipa fl-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekuzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea kkundannat il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Matul il-konferenza ta’ nofsinhar, il-kelliem għall-Kummissjoni wassal stqarrija tal-President Jean Claude Juncker li ddeskriva lil Caruana Galizia bħala ġurnalista ddedikata li toħroġ il-verita.

Fl-istqarrija ntqal li d-dritt li ġurnalist jinvestiga, li jistaqsi l-mistoqsijiet antipatiċi u li jirrapporta huma parti mill-valuri tagħna u għalhekk irid jiġu mħarsa dejjem.

Juncker fl-istqarrija qal li qed jistenna li ssir ġustizzja.

Il-grupp tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) fi stqarrija wkoll ikkundannaw il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia filwaqt li saret enfasi kif dan il-qtil hija l-prova tas-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt li qed tmur għall-agħar f’Malta.

Fil-Parlament Ewropew, iċ-Chairman tal-EPP Manfred Weber qal li qed jitlob għal inkjesta sħiħa fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia. L-EPP appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tara li ssir investigazzjoni estensiva u li ssir ġustizzja.

Weber talab għal stqarrija tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti u l-protezzjoni tal-espressjoni f’Malta waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu l-ġimgħa d-dieħla. 

L-MEP Malti David Casa ukoll qal li se jkun qed jitlob diskussjoni urġenti fil-Parlament Ewropew wara l-qtil ta' Caruana Galizia. 

Is-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew (S&D) ikkundannaw l-qtil ta’ Caruana Galizia, li ddeskrivewh bħala att barbaru. L-S&D faħħru l-ġurnaliżmu investigattiv tagħha relatata mal-Panama Papers.

Is-Soċjalisti u Demokratiċi kollha urew l-appoġġ tagħhom għall-espressjoni ħieles u l-libertá tal-midja.

Sostnew li jrid isir dak kollu possibbli biex il-whistleblowers u l-ġurnalisti jkollhom il-protezzjoni kollha meħtieġa.

More in Politika