Muscat jiżvela li esperti tal-FBI se jgħinu fil-każ tal-qtil ta' DCG

  • Adrian Delia jerġa' jgħid li dan kien qtil politiku u li hawn bżonn investigazzjoni verament indipendenti 
  • Marlene Farrugia tgħid li l-istituzzjonijiet tnaqqru mill-għada li tela' Gvern Laburista

Il-Prim Ministru Joseph Muscat żvela fil-Parlament li daħal f’diskussjoni mal-Gvern Amerikan biex esperti tal-FBI jiġu Malta fis-sigħat li ġejjin biex jgħinu lill-Awtoritajiet Maltin fl-investigazzjonijiet tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Muscat qal li jinsab ukoll f’kuntatt ma’ pajjiżi oħra Ewropej biex tingħata għajnuna b’riżorsi lill-esperti Maltin.

Huwa stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex wara s-seduta jiltaqgħu flimkien mal-persuni ta’ fiduċja biex flimkien jaraw kif jista’ jkun hawn kunsens li l-investigazzjonijiet isiru b’mod indipendenti, verament tirrenja s-saltna tad-dritt u li turi li ħadd ma huwa ‘l fuq mil-liġi.

Stqarr li jekk hawn bżonn, jiddaħħlu liġijiet biex issir inkjesta indipendenti bil-fiduċja taż-żewġ naħat sabiex ħadd ma jkollu dubju li min għamel dan l-att faħxi se jgħaddiha lixxa. Joseph Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel kummenti politiċi iżda hu tkellem bħala Prim Ministru ta’ pajjiż imweġġa’.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li dan kien delitt politiku għax Caruana Galizia ma kinitx persuna normali imma kellha impatt fuq ix-xenarju politiku f’Malta. Delia saħaq li l-istituzzjoniiet ta’ pajjiżna ilhom jitmermru għal dawn l-aħħar 4 snin u meta tikkrolla s-saltna tad-dritt tirrenja l-liġi tal-ġungla kif ġara llum.

Adrian Delia enfasizza li l-istituzzjonijiet qed jonqsu bil-kbir għax f’dawn l-aħħar snin ittieħdu deċiżjonijiet politiċi ħżiena. Sostna li din hija traġedja nazzjonali u mhux attakk fuq il-Partit Nazzjonalista imma fuq id-drittijiet tagħna bħala ċittadini. Delia qal li ittieħdu deċiżjonijiet ċari u iffukati biex jiddgħajfu l-istituzzjonijiet.

Qal ukoll li rridu nqumu bħala Maltin biex nipproteġu dawn l-isituzzjonijiet filwaqt li nirrkonoxxu li dan kien delitt politiku u naraw min se jerfa' r-responsabilitá politika ta’ dan il-qtil li seħħ taħt Gvern Laburista.

Tkellmet ukoll il-Kap uxxenti tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia li sostniet kif rridu nibqgħu ngħidu li aħna pajjiż demokratiku iżda bil-bidla fil-Gvern għal Gvern Laburista, bdew jinħattu l-istituzzjonijiet mill-għada tal-elezzjoni.

Farrugia qalet li l-Gvern Laburista tal-lum sistematikament ħatt l-istituzzjonijiet billi poġġa l-pupazzi tiegħu. Stqarret li Daphne Caruana Galizia għal ħafna snin kienet l-uniku oppożizzjoni vera fil-pajjiż.

Qalet li Caruana Galizia ma kinitx tibża, għamlet sagrifiċċju għax ħabbet lil pajjiżha u kienet lesta li tmut għal pajjiżha. Sostniet li l-qtil tagħha huwa l-prova aħħarija li kienet tgħid kien veru għaliex ħadd ma joqtol lil ħadd għalxejn u dawk li l-għan tagħhom huwa li jnaqqru d-demokrazija, ma kienx jaqblilhom li tibqa’ ħajja.

Marlene Farrugia appellat lill-Gvern biex issir investigazzjoni serja għax hawn min ma jafdax la lill-Prim Ministru u lanqas lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ddeskriva l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bħala wieħed faħxi u brutali.

Inżammet minuta silenzju fil-Kamra b'rispett lejn Daphne Caruana Galizia. 

More in Politika