Editorjal Speċjali | Ġurnata sewda għall-libertà u l-ġurnaliżmu f'Malta

Dak tal-lum huwa attakk dirett fuq il-ġurnaliżmu u l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia se jkollu riperkussjonijiet koroh fuq pajjiżna

Ġurnata sewda għall-libertà u l-ġurnaliżmu f'Malta
Ġurnata sewda għall-libertà u l-ġurnaliżmu f'Malta

Dak li ġara illum, ftit tal-ħin ilu ħalla persuna mejta u kull mewt hija traġika, għax il-ħajja umana hija sagrosanta. Li l-persuna inzertat ġurnalista tagħmel is-sitwazzjoni waħda iktar gravi. Gravi għax tfisser li apparti l-mewt ta' uman, min wettaq dan l-attakk kellu l-għan li jpatti, li jagħlaq ħalq persuna, li jieħu l-liġi b'idejh u jieħu ħajja umana. Kollha kemm huma affarijiet mistmerra f'soċjetà moderna.

Dak li ġara illum, imur lilhinn minn kemm taqbel jew le ma' persuna, mal-ideat tagħha jew mal-mod kif tikteb dawk l-ideat. Dak li ġara illum imiss, il-fundament u l-bażi tad-demokrazija, il-bażi tal-libertà tal-espressjoni, il-bażi tat-tolleranza u anke tal-umanità. Il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia hija tebgħa kerha fuq il-pajjiż u min wettaq l-attakk għamel ħsara kbira, mhux biss lill-familja Caruana Galizia imma anke lill-isem pajjiżna. 

illum se titniżżel bħala ġurnata sewda ħafna fl-istorja politika ta' pajjiżna Editur gazzetta ILLUM

Dan huwa l-ikbar attakk dirett fuq il-ġurnaliżmu f'pajjiżna fl-istorja riċenti u illum se titniżżel bħala ġurnata sewda ħafna fl-istorja politika ta' pajjiżna. Hemm bżonn li ssir ġustizzja, illum qabel għada.

Il-gazzetta ILLUM u dan is-sit juri solidarjetà mal-familja Caruana Galizia. 

 

More in Politika