Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Tintlaqa’ tajjeb il-miżura tal-irmunkar bla ħlas

L-ILLUM tkellmet ma’ kumpaniji ewlenin tal-irkmunkar, li kellhom kliem ta’ tifħir għal din l-inizjattiva

Jesmar Baldacchino / 11 t'Ottubru 2017 08:10
Intlaqtet b’mod tajjeb l-inizjattiva ta’ Transport Malta li nediet servizz ta’ rmunkar ta’ emerġenza bla ħlas fil-ħinijiet l-aktar traffikużi.

Din l-inizjattiva hija mifruxa għall-operaturi kollha tal-irmunkar f’Malta u f’Għawdex u permezz t’hekk tpoġġew numru ta’ trakkijiet li jirmunkaw f’postijiet differenti madwar il-pajjiż biex ikunu f’pożizzjoni li jilħqu l-vetturi weqfin kemm jista’ jkun malajr.   

Dwar dan l-ILLUM tkellmet ma’ kumpaniji ewlenin tal-irkmunkar, li kellhom kliem ta’ tifħir għal din l-inizjattiva. Id-direttur ta’ Middlesea Assist, Godwin Borg spjega li għalkemm il-kumpanija għażlet li ma tipparteċipax fl-iskema, minkejja kellha din l-opportunità, xorta waħda jqis li din hija skema tajba li saret bi ħsieb li l-operaturi kollha jkunu inklużi.

Huwa jittama li din iġġib magħha r-riżultat mixtieq. Dwar din l-inizjattiva, id-direttur ta’ MET Emanuel Camilleri qal li meta l-vetturi jitneħħew minn nofs tat-toroq ewlenin, jonqos it-traffiku u fl-istess ħin l-għajnuna tingħata f’aktar sigurtà għas-sewwieq ukoll.

Camilleri jappella lil Transport Malta biex il-‘bus lanes’ ikunu aċċessibbli għat-trakkijiet tal-irmunkar ukoll sabiex jagħtu l-assistenza tagħhom b’mod aktar effiċjenti. L-użu tal-‘bus lanes’ mill-karozza fil-ħinijiet tas-7 u d-9 ta’ filgħodu hija proposta li diġà waslet fl-uffiċċji ta’ Transport Malta.

 

TM titlob li ma jinħarġux permessi għall-krejnijiet filgħodu kmieni

Fil-preżent, l-Awtorità qed taħdem biex iżżid l-effiċjenzà fit-toroq, minħabba l-ammont ta’ vetturi dejjem jiżdied u l-ispazju limitat tat-toroq. L-Awtorità talbet ukoll il-koperazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex ma joħorġux permessi għall-krejnijiet u makkinarju ieħor li jimblukkaw it-triq bejn is-7am u d-9am.

F’dawn il-ħinijiet ta’ filgħodu u bejn l-4pm u s-6pm mhux permess ukoll li fit-toroq arterjali jkun hemm vetturi miġbuda minn bhejjem. Filgħodu wkoll wieħed jista’ jara ammont ta’ kuntistabbli tal-Pulizija, gwadjani lokali u uffiċjali ta’ Transport Malta f’postijiet prinċipali biex jimmaniġġjaw it-traffiku. Dan isir taħt id-direzzjoni taċ-Ċentru għall-Kontroll tat-Traffiku.

 

Min m’għandux liċenzja u qed jitgħallem jikkawża aktar dewmien

Hekk kif din il-ġimgħa kienet ikkaratterizzata mill-maltemp u b’żieda qawwija tat-traffiku fit-toroq, l-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Transport Malta dwar x’miżuri qed jittieħdu biex tittaffa din il-problema. Waħda minn dawn l-inizjattivi hija dik li l-iskejjel tas-sewqan ma jużawx toroq ewlenin fil-ħin tal-lezzjonijiet. Mhux se jkun possibbli li jgħallmu fit-toroq arterjali bejn is-7am u d-9am u bejn it-3.30pm u s-6pm.

Din kienet miżura li iżda ma sabitx l-appoġġ mixtieq b’mod speċjali kif mistenni mill-iskejjel tas-sewqan, li xorta huma f’pożizzjoni li jgħallmu fit-toroq sekondarji u fil-parkeġġi. Transport Malta qalet mal-ILLUM li sewwieqa li għad m’għandhomx liċenzja jikkawżaw ħafna aktar dewmien u għalhekk ħasset li kellha tagħmel din it-talba lill-iskejjel tas-sewqan.

Hekk kif it-toroq fil-ħinijiet tat-traffiku jkunu miżgħuda bil-karozzi, l-appelli jibqgħu favur l-użu tat-trasport pubbliku, metodi alternattivi għall-karozza u l-‘car pooling’ fost l-oħrajn. Dan għaliex li taħseb kmieni jew li tgħaddi minn toroq sekondarji m’għadhomx miżuri effikaċi aktar minħabba l-volum li dejjem jiżdied tal-karozzi fit-toroq u sakemm isiru x-xogħlijiet fil-‘bottlenecks’ u proġetti oħra li mistennija li jkunu lesti matul ix-xhur li ġejjin u s-sena d-dieħla.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook