Fit-3 ta' Ottubru se ssir l-elezzjoni għas-siġġu ta' Jean Pierre Debono

Il-kandiIl-kandidati Nazzjonalisti b’aktar ċans li jiġu eletti qalu li kif jiġu eletti se jċedu posthom lil Adrian Delia

L-elezzjoni fis-seba’ distrett elettorali biex jimtela’ l-post battal tal-eksdeputat Nazzjonalista Jean Pierre Debono se ssir nhar it-3 ta’ Ottubru li ġej.

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret dan wara li rċeviet ir-riżenja ta’ Debono, li għażel li jċedi postu biex is-siġġu Parlamentari tiegħu jkun jista’ jieħdu l-Kap il-ġdid tal-partit Adrian Delia.

Id-deċiżjoni ta’ Debono waslet wara li d-diskussjonijiet tad-deputati l-oħra biex iċedu posthom ma ħallewx il-frott mixtieq.

Fil-ġranet li għaddew Adrian Delia daħal ukoll f’diskussjonijiet mad-deputat Għawdxi Frederick Azzopardi u kienet qed tittieħed f’kunsiderazzjoni wkoll li jirriżenja Hermann Schiavone mill-5 distrett.

Il-kandidati Nazzjonalisti b’aktar ċans li jiġu eletti mis-7 distrett diġá qalu fil-mezzi soċjali li kif jiġu eletti se jċedu posthom lil Delia.

Dawk il-kandidati kollha li jridu jikkontestaw din l-elezzjoni se jkunu jistgħu jissottomessu isimhom bejn is-26 u t-30 ta’ Settembru.

Il-Partit Demokratiku, li l-kandidati tiegħu ħarġu għall-elezzjoni mal-lista tal-Partit Nazzjonalista se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni wkoll.

Il-PD qal li m’għandux fiduċja fil-kwalitajiet ta’ Adrian Delia.

More in Politika