Tal-PD se jikkontestaw għax m'għandhomx fiduċja f'Adrian Delia

L-eżekuttiv tal-Partit Demokratiku wasal għall-konklużjoni li l-kandidati tiegħu għandhom jikkontestaw il-‘by elections’. 

Il-Partit Demokratiku ddeċieda li l-kandidati tiegħu għandhom jikkontestaw l-‘by election’ li se ssir fis-seba’ distrett wara li d-deputat Nazzjonalista Jean Pierre Debono ddeċieda li jirriżenja biex iċedi postu għall-Kap tal-partit Adrian Delia.

Fi stqarrija l-Partit Demokratiku qal li kkontesta l-elezzjoni fil-Forza Nazzjonali għaliex jemmen fil-prinċipji tal-governanza tajba u politika nadifa.

Il-PD m’għandux fiduċja li Adrian Delia għandu l-kwalitajiet meħtieġa u l-kredenzjali tiegħu m’humiex biżżejjed biex tissaħħaħ il-kredibilitá tal-Oppożizzjoni, li tkun f’pożizzjoni li toffri alternattiva għall-Gvern.

Għalhekk l-eżekuttiv tal-Partit Demokratiku wasal għall-konklużjoni li l-kandidati tiegħu Monique Agius u Lee Bugeja Bartolo għandhom jikkontestaw il-‘by elections’.

L-istqarrija tal-PD tisħaq li l-partit se jkun qed iwettaq monitoraġġ tal-Gvern u l-Partit Nazzjonalista għall-ġid tal-pajjiż.

Fl-elezzjoni ġenerali, Monique Agius ġabet 87 vot filwaqt li Lee Bugeja Bartolo ġab 45 vot.

More in Politika