'Irridu nwarrbu l-ambizzjonijiet tagħna' - JPD iċedi s-siġġu lil Delia

Għaldaqstant Adrian Delia mhux se jilħaq jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni biex jagħmel ir-replika tad-diskors tal-baġit 

L-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono se jċedi s-siġġu Parlamentari tiegħu fis-seba’ distrett biex il-Kap il-ġdid tal-partit Adrian Delia jkun jista’ jsib postu fil-Parlament.

Mal-ILLUM, Jean Pierre Debono stess ikkonferma li Delia se jieħu l-post li kien tiegħu fil-Parlament. Jean Pierre Debono li kien elett mis-seba’ distrett elettorali bi 3,305 vot qal li din kienet l-aktar deċiżjoni diffiċli li ħa f’ħajtu. Enfasizza li jeħtieġ li jitwarrbu l-ambizzjonijiet biex il-PN joffri oppożizzjoni effettiva. Id-deċiżjoni ta’ Debono waslet wara reżistenza fost il-Grupp Parlamentari biex deputat iċedi postu lil Delia.

Saħaq li Adrian Delia akkwista l-maġġoranza tal-voti kemm tal-Kunsilliera kif ukoll tat-tesserati tal-partit u din l-għażla tan-Nazzjonalisti trid tiġi rrispettata. Qal ukoll li għalih il-partit jiġi l-ewwel. Mhux eskluż li Jean Pierre Debono jikkontesta l-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali meta ssir l-elezzjoni għal postijiet fl-amministrazzjoni tal-partit. 

Din id-deċiżjoni qed titqies bħala mossa politika eċċellenti min-naħa ta’ Debono li għadu jrid jidher quddiem il-Kunsill Amministrattiv fuq rapport kunfidenzjali tal-Kummissjoni Elettorali tal-partit li kkonkludiet li kellu f’idejh prokuri għall-ġbir tad-dokument tal-vot b’firem foloz.

Ir-rapport tal-Kummissjoni Elettorali qed jindika li Jean Pierre Debono naqas milli jivverifika l-firem ta’ dawn il-prokuri, li ngħataw lilu mill-membri tal-Kumitati Sezzjonali. Debono kemm il-darba ċaħad li ffalsifika xi firem.

'F'dan il-mument ta' prova għall-PN jeħtieġ li nwarrbu l-ambizzjonijiet tagħna u nħarsu 'l quddiem biex ningħaqdu ħalli nkunu partit wieħed u oppożizzjoni effettiva għall-pajjiż' Jean Pierre Debono

Bid-deċiżjoni tiegħu, Debono li diġá jgawdi rispett fost il-fergħat u l-kumitat tal-partit, mistenni li jsaħħaħ dan ir-rispett. Kif qed jidher diġá qed jidher mill-ammont kbir ta’ kummenti pożittivi li qed jirċievi fuq il-profit tiegħu ta’ Facebook minn uffiċjali u Kandidati oħra tal-partit. 

Fis-seba’ distrett, l-aktar żewġ kandidati tal-Partit Nazzjonalista biċ-ċans li jiġu eletti flok Debono huma Antoine Borg, li kien deputat fil-leġiżlatura preċedenti wara li rriżenja Lawrence Gonzi kif ġie elett Simon Busuttil u Sam Abela. Fl-aħħar elezzjoni, Borg u Abela akkwistaw 3,256 u 1,733 rispettivament.

Fl-istess distrett hemm tliet Kandidati tal-Partit Demokratiku, Godfrey Farrugia li huwa deputat wara li Beppe Fenech Adami żamm it-tmin distrett, Monique Agius u Lee Bugeja Bartolo, li iżda ma jidhirx li għandhom ċans li jiġu eletti hekk kif akkwistaw 87 u 45 vot rispettivament.

Kemm Antoine Borg kif ukoll Sam Abela iddikjaraw fil-mezzi soċjali li se jikkontestaw l-elezzjoni każwali għas-siġġu ta’ Debono u li se jirriżenjaw mal-ewwel biex jiġi co-opted Adrian Delia flokhom. 

Dan il-proċess kollu se jkun ifisser li Adrian Delia mhux se jilħaq isib postu fil-Parlament u jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni qabel mal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna iressaq id-diskors tal-baġit u għalhekk ir-replika għal dan id-diskors se jkun qed jagħmlu Simon Busuttil.

Id-deċiżjoni finali tal-co-option ta’ Delia trid tittieħed mill-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalisti u uffiċjali mid-Dar Ċentrali li tkellmu mal-ILLUM qalulna li din tista’ tkun l-‘aħħar karta’ ta’ dawk li għadhom qed jirreżistu li Adrian Delia jidħol fil-Parlament.

More in Politika