'Rivolta' fil-Grupp Parlamentari tal-PN

Adrian Delia għadu mhux qed igawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari...pressjoni fuq diversi Deputati biex ma jċedux is-siġġu Parlamentari għal Delia

Is-sitwazzjoni straordinarja fil-PN qed tkompli tiggrava hekk kif apparti minn sospensjoni mdendla fuq ras Jean Pierre Debono, din il-gazzetta tista’ tiżvela illi kważi żewġ terzi tal-Grupp Parlamentari, jew madwar 20 Deputat Parlamentari, mhux qed jappoġġjaw lil Adrian Delia. Uħud, apertament u attivament, filwaqt li oħrajn iktar fil-magħluq.

Din hija sitwazzjoni bla preċedent fl-aħħar snin li qed tikkomplika mhux ftit il-proċess biex Delia jsib postu fil-Parlament.

Mill-informazzjoni li għandha din il-gazzetta, sal-Ġimgħa kien jidher illi għad m’hemmx qbil mad-Deputat Frederick Azzopardi biex dan iċedi postu. Laqgħa li kellu Delia, fir-residenza ta’ Azzopardi tard bil-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt jidher li baqgħet ma waslitx għal ftehim finali.

L-ILLUM, tista’ tiżvela illi fl-aħħar jiem saret pressjoni qawwija biex Azzopardi, indikat bħala d-Deputat li se jċedi postu għal Delia, ma jagħmilx wisgħa għall-kap tal-PN u ma jaċċettax l-offerta li kien qed jagħmillu. Din il-gazzetta ċemplet diversi drabi lil Frederick Azzopardi, kemm il-Ġimgħa bil-lejl kif ukoll is-Sibt, biex tistaqsi dwar jekk intlaħaqx qbil. Imma kien kollu ta’ xejn.

In-nuqqas ta’ appoġġ li Delia għandu fil-Parlament tfisser li jekk Delia jkun kostrett imur għall-aħħar ‘karta’, jiġifieri li jirreżenja Hermann Schiavone, xorta jkun tilef mill-ftit appoġġ li għandu fil-grupp. Jekk jirreżenja Schiavone, kif qal li lest jagħmel, elezzjoni każwali fuq il-Ħames Distrett probabbilment jirbaħha Norman Vella.

Din il-gazzetta tinsab infurmata li t-tim ta’ Delia qed titratta bħala ‘urġenti’ laqgħa ma’ Norman Vella u se jipprova jinnegozja miegħu biex ikun hu li jieħu l-post li kien jokkupa David Stellini bħala l-PR tal-Partit Popolari Ewropew. Stellini irreżenja wara li kien elett f'elezzjoni każwali. Din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll li jekk jirreżenja Schiavone, ikun mistenni li jieħu taħt idejh it-tmexxija tal-Elcom, l-Uffiċċju Elettorali tal-PN.

Il-qasma li hemm fil-grupp Parlamentari Nazzjonalista kompliet toħroġ fid-deher nhar il-'mass meeting' ta’ lejliet l-Indipendenza, meta tmien Deputati ma kinux preżenti wara Delia. Kienet l-ILLUM li żvelat kif tmien Deputati Parlamentari ma kinux qed jagħtu l-appoġġ lil Delia fuq il-palk warajh fl-ewwel diskors tiegħu lill-massa bħala kap. Dawn kienu Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia, Marthese Portelli u Ivan Bartolo. Ma’ dawn ingħaqad il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kif ukoll Frederick Azzopardi u Karl Gouder li kien imsiefer.

Adrian Delia, waqt il-kampanja għall-ħatra ta’ kap ġdid, kien qal illi l-kwistjoni tas-siġġu Parlamentari kienet waħda li ma kien hemm ebda problemi dwarha. Mal-ILLUM Schiavone kien sostna li kien hemm mekkaniżmu mifthiem, lest biex jidħol fis-seħħ ladarba Delia jirbaħ it-tiġrija.

Il-Ħadd li għadda l-ILLUM żvelat kif fin-nuqqas ta’ qbil ma’ Deputati li telgħu fil-Parlament b’elezzjoni każwali, Delia kien se jkollu jinnegozja ma’ Marlene Farrugia biex il-PD ma joħroġx il-kandidati għall-elezzjoni każwali. Farrugia, sabtet il-bibien tal-PD ftit wara u ordnat li kull Deputat tal-partit li tmexxi jitfa’ n-nomina f’każ ta’ riżenja mill-PN li twassal għall-elezzjoni kazwali. Dan ħalla lil Delia bi triq waħda. Dik li jifthiem ma’ kandidat/i biex wara li jkun elett minn elezzjoni każwali li jkollha ssir minħabba l-PD, jirreżenja u minfloku jidħol hu.

L-Ewroparlamentari Nazzjonalisti kienu kollha favur id-deputat Għawdxi Chris Said fil-kampanja biex jiġi elett Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Il-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa kien l-ewwel wieħed li appoġġja n-nomina ta’ Said b’kummenti ta’ approvazzjoni wkoll fil-mezzi soċjali.

Persuni mid-Dar Ċentrali li tkellmu mal-ILLUM qalulna li Casa kien interessat li jikkontesta l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali li kieku Said sar Kap tal-partit. It-tieni MEP li wriet fil-pubbliku l-appoġġ lil Chris Said kienet Roberta Metsola, l-MEP Nazzjonalista fl-aħħar elezzjonijiet Ewroparlamentari kienet l-aktar kandidata li akkwistat voti. Kien hemm żmien ukoll qabel l-elezzjoni fejn kienet qed tissemma’ li kienet se titfa’ isimha għal Kap.

Il-kummenti ta’ David Casa u Roberta Metsola fil-mezzi soċjali ntużaw mill-kampanja ta’ Chris Said biex juru l-popolarità tad-deputat Għawdxi u l-lealtà lejn il-partit. L-istess sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalulna li persuna impjegata fl-uffiċċju ta’ Metsola dehret bosta drabi flimkien ma’ Said.

Persuni mid-Dar Ċentrali li tkellmu mal-ILLUM qalu li jum qabel id-diskors ta’ Delia tal-Indipendenza, Chris Said kellu jkun preżenti taħt it-tinda fuq il-fosos iżda minflok għażel li jmur għall-festin li Roberta Metsola organizzat għalih, li huwa mifhum li kien tat-tmiem tal-kampanja.

Is-sorsi qalu mal-ILLUM li l-MEP il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech ukoll kien favur li Chris Said isir kap tal-partit. Qalulna li għamel telefonati fejn ħeġġeġ vot lid-deputat Għawdxi. Zammit Dimech iżda għal kuntrarju taż-żewġ Ewroparlamentari l-oħra ma għamilx kummenti ta’ appoġġ lil Said fil-mezzi soċjali.

More in Politika