Il-Ministeru u l-MUT ma jaqblux fuq l-ammont tal-għalliema ġodda

Il-unjin tgħid li kienu hawn 600 għalliem ġdid ma kinitx tirċievi l-ammont ta’ lmenti li qed jaslulha

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni fi stqarrija sostna li għas-sena skolastika li l-ġdida l-għalliema se jiżdiedu b’600 filwaqt li l-LSAs se jiżdiedu b’200. Din iċ-ċifra wasslet għal reazzjoni ħarxa min-naħa tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) fejn qed isostni li din iċ-ċifra tmur ferm lil hinn mill-ammont reali tal-għalliema ġodda.

Il-unjin qalet li din il-figura hija differenti ferm min-numru ta’ għalliema ġodda li għadhom kemm attendew laqgħat ta’ ‘induction’ tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.L-MUT qalet li n-numru ta’ dawn l-għalliema kien madwar mitejn.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li mhix se tħalli lil min jgħaddi biż-żmien lill-għalliema u jagħti stampa li mhix reali biex jaħbi l-problema li qed jaffaċċjaw l-għalliema. L-MUT qed tinsisti li n-numru ta’ għalliema li se jiggradwaw mill-Università din is-sena huwa ftit aktar minn mija.

Il-Unjin tal-Għalliema qed tinsisti li kieku verament kien hawn żieda ta’ 600 għalliem ġdid ma kienx ikun hawn sitwazzjoni fejn għalliema li ħadu promozzjoni qed ikomplu jgħallmu, studenti tas-Sekondarja b’sillabi differenti jispiċċaw fi klassi waħda jew klassijiet tal-Primarja jingħaqdu minħabba nuqqas ta’ għalliema.

L-istqarrija tal-MUT tgħid ukoll li kieku n-numru ta’ 600 għalliem ġdid huwa kredibbli, għalliema ma jkollhomx ‘load’ massimu, għalliema rtirati ma jintalbux sabiex jidħlu lura fl-impjieg, dawk li kienu se jkunu fis-servizzi ma kinux jerġgħu jiġu mgħajta.

Lanqas ma kien ikun hawn għalliema li qed jiġu mġiegħla jgħallmu numru ta’ suġġetti f’aktar minn skola waħda u l-unjin ma kinitx tirċievi ammont kbir ta’ rapporti fuq każijiet. L-istqarrija tal-MUT tappella għal informazzjoni korretta li tirrispetta l-intelliġenza tal-edukaturi.

Oriġinarjament, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li aktar minn 9,600 edukatur se jirritornaw l-iskola filwaqt li se jkunu 56,357 l-istudenti li se jibdew is-sena skolastika. L-istudenti li se jattendu l-‘kindergarten’ huma 9,382, tal-primarja 26,173 u dak ta’ skejjel medji u sekondarji 20,802.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni enfasizza li ħadem fuq bosta miżuri biex jitjieb il-livell edukattiv, kemm fuq livell akkademiku kif ukoll dakk infrastrutturali, b’in-numru ta’ studenti ġodda fir-raba’ sena li se jingħataw it-‘tablet’ jilħaq l-4,432. Ma’ dawn hemm 4,387 tablet li tqassmu s-sena l-oħra. Matul is-sajf li għadda ġew imħarrġa 511-il għalliem u LSA oħra li se jkunu qed jgħallmu fil-ħames sena.

Il-Ministeru qal li ftit tal-jiem ilu tħabbar ukoll li l-Iskola Primarja tal-Imsida se tinbidel għal waħda moderna u li din se tkun estiża b’faċilitajiet edukattivi ġodda. Matul il-perjodu tas-sajf sar manutenzjoni u tisbiħ fl-iskejjel kollha tal-istat li ammonta għal nofs miljun ewro.

Barra din l-iskola, tħabbar ukoll li saru emendi u beda x-xogħol fuq skola primarja ġdida f’Wied il-Għajn li se tiftaħ fl-2018, u skola ġdida oħra fil-Qawra li se tilqa’ lit-tfal fl-2019. Magħhom ser inħabbru l-pjanijiet ġodda tal-iskola primarja l-ġdida tar-Rabat, Għawdex, li se tkun qed tinkludi faċilitajiet ġodda wkoll.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li se jiżdiedu l-ħaddiema amministrattivi fi ħdan il-kulleġġi biex l-għalliema jkollhom aktar ħin biex jiffukaw fuq it-tagħlim.

Dan ġie deskritt pass ieħor ’il quddiem biex il-prinċipali tal-kulleġġi u l-kapijiet u l-assistenti tal-iskejjel ikunu jistgħu jiffokaw aktar fuq l-esperjenza kurrikulari u l-appoġġ għall-għalliema.

More in Politika