'Malta saret mudell għal pajjiżi oħra biex idaħħlu riformi li jsaħħu lin-nies'

Il-Prim Ministru Malti qal li ma jistax ikun hawn il-paċi dejjiema jekk se jibqa jkun hawn il-faqar

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bil-miżuri li ddaħħlu f’pajjiżna, Malta saret mudell li fuqu jistgħu jimxu pajjiżi li huma abkar minnha sabiex jintroduċu miżuri li jsaħħu lin-nies fis-soċjetà.

Fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Joseph Muscat spjega kif il-Gvern qed jibbaża l-politika tiegħu fuq erba’ punti li huma l-mobbilità soċjali, l-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u l-għaqda.

Elenka miżuri li ddaħħlu biex tissaħħaħ l-ugwaljanza fosthom aktar liġijiet għal persuni LGBTIQ+ u kif sirna l-ewwel pajjiż Ewropew li qed joffri ‘childcare’ bla ħlas. Qal li b’din il-miżura aktar nisa rnexxilhom jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Muscat qal li l-potenzjal tan-nisa u ż-żgħażagħ fil-politika se jintlaħqu bit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa u d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena. Saħaq li nies li jgħixu fil-biża jew li huma diskriminati ma jistgħux jilħqu l-potenzjal tagħhom u jgħixu fil-paċi.

Il-Prim Ministru Malti qal li ma jistax ikun hawn il-paċi dejjiema jekk se jibqa jkun hawn il-faqar. Filwaqt li rrimarka kif il-persuni fir-riskju tal-faqar f’Malta naqsu, qal ukoll li l-paċi tista’ tintlaħaq mhux biss bin-nuqqas tal-gwerra imma wkoll billi jiġu ndirizzati sfidi bħall-immigrazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tal-ikel u l-ilma.

Elenka kif il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ewropa ħadmet b’suċċess flimkien mal-pajjiżi membri favur kunsens ewropew fuq l-iżvilupp u pjan ta azzjoni biex jinqered il faqar. Malta flimkien mal-pajjiżi Ewropej qed taħdem kontra t-traffikar tan-nies imma azzjoni nazzjonali jew reġjonali mhux biżżejjed mingħajr ħidma internazzjonali.

Joseph Muscat qal li l-pajjiżi kollha membri fil-Commonwealth huma impenjati bis-sħiħ biex jintlaħqu l-miri tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Magħquda li jinkludu l-qerda tal-faqar u l-ħarsien tal-klima.

Filwaqt li saħaq li Malta tinsab impenjata favur il-ftehim ta’ Pariġi, f’livell nazzjonali ttieħdet azzjoni volontarja fejn 30% tal-baħar kontinentali saret żona protetta. Hekk kif enfasizza li huwa kruċjali li jkun hawn aktar protezzjoni legali għall-biodiversitá fil-baħar, Joseph Muscat fakkar kif ix-xahar id-dieħel, Malta se tkun qed tospita l-konferenza Our Ocean 2017.

More in Politika