Illejla l-laqgħa 'kruċjali' bejn Adrian u Frederick għas-siġġu

Mal-ILLUM Federick Azzopardi kien stqarr li mhux se jfittex l-interessi personali u se jibqa' leali lejn il-partit 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jiltaqa’ mad-deputati Għawdxi Frederick Azzopardi u David Stellini wara attivitá politika li se ssir illejla għall-ħabta tas-7 ta’ filgħaxija f’Ta’ Sannat f’Għawdex.

Matul dawn il-laqgħat huwa mistenni li Delia jiddiskuti l-possibilitá li wieħed minnhom iċedilu s-siġġu biex isib postu fil-Parlament.

Fil-każ ta’ David Stellini, li diġá wera l-intenzjoni tiegħu li ma jċedix postu, Delia jiġi ‘co-opted’ fil-Parlament mill-Eżekuttiv tal-partit iżda fil-każ ta’ Frederick Azzopardi trid issir elezzjoni każwali bil-kandidat Nazzjonalista li jkun elett jirriżenja mal-ewwel.

Kienet l-ILLUM li żvelat kif Frederick Azzopardi huwa wieħed mill-favoriti ta’ Delia biex iċedi postu. "Jien mhux se nfittex l-interessi personali u se nibqa leali lejn il-partit,” stqarr mal-ILLUM Federick Azzopardi.

Intant fid-Dar Ċentrali u fuq il-mezzi soċjali qed tkompli d-diskussjoni fost il-partitarji Nazzjonalisti x’għandu jsir kemm il-darba deputat tal-partit jintalab iċedi postu biex Delia jsib siġġu fil-Parlament.

Uħud qed jgħidu li d-deputat huwa leali lejn min ikun tah il-vot filwaqt li oħrajn qed isostnu li s-siġġu huwa tal-partit u li għandu għalhekk juri lealtá billi jċedi postu.

Fuq dawn il-binarji tkellem ukoll l-eksKap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Peter Agius, li iddeskriva bħala ‘puppatur’ lil min jiddeċiedi li jikkontesta elezzjoni każwali li tista’ tiskatta, la darba jċedi postu deputat parlamentari li kien elett fl-elezzjoni ġenerali.

Qal li dan ikun ‘puppatur’ għaliex il-kandidat elett ikun ċeda b’sagrifiċċju s-siġġu tiegħu biex jiġi elett il-Kap. Iddeskriva sitwazzjoni ta’ din ix-xorta bħala faqar morali straordinarju.

Huma ħafna l-kandidati li kkontestaw l-elezzjoni mal-Partit Nazzjonalista li qed itellgħu fuq il-profil tagħhom tal-Facebook li jinsabu lesti li ma jikkontestawx elezzjoni każwali li tista’ tinħoloq fid-distrett tagħhom. Qed jgħidu wkoll li fiċ-ċans li jintalbu jikkontestaw ikunu lesti li mal-ewwel iċedu s-siġġu lil Delia jekk jiġu eletti. 

L-ILLUM hija nfurmata li fil-jiem li għaddew fl-uffiċċju tal-Kap fid-Dar Ċentrali saru diskussjonijiet ma’ uħud mid-deputati li sabu posthom fil-Parlament minn elezzoni każwali fosthom Ivan Bartolo. L-eksSindku tal-Mosta għamilha ċara li mhux se jċedi postu għaliex iqis li s-siġġu tiegħu huwa tan-nies. Jidher li Maria Deguara u David Stellini wkoll mhux lesti li jċedu s-siġġu.

L-ILLUM hija infurmata li mhux minnu li matul il-laqgħa ma’ Karol Aquilina ntalab biex iċedi s-siġġu lil Delia. 

More in Politika