‘Il-paga għandha tkun biżżejjed biex ħaddiem jgħix f’dinjità’

L-Arċisqof enfasizza ferm fuq it-tqassim ġust u ekwu tal-ġid komuni kif ukoll fuq paga ġusta għall-ħaddiema

L-Arċisqof Charles J. Scicluna saħaq li għandna nistaqsu jekk il-ġid tas-soċjetà hix qed toħloq żbilanċ ekonomiku, b’nies li huma għonja ħafna u b’ħaddiema u l-familji tagħhom li lanqas jistgħu iħallsu l-kera għal dar deċenti fejn jgħixu.

Fl-omelija waqt il-Quddiesa Pontifikali f’Jum l-Indipendenza fil-Konkatridral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Scicluna qal li l-Gvern irid jiżgura li n-nies ikollhom għajxien dinjituż, b’żgħażagħ, familji bi dħul baxx u pensjonanti jkollhom dar deċenti, edukazzjoni u servizzi tas-saħħa tajbin.

Matul l-omelija, l-Arċisqof enfasizza ferm fuq it-tqassim ġust u ekwu tal-ġid komuni kif ukoll fuq paga ġusta għall-ħaddiema u mhix jieklu biss is-sinjuri. Dan biex ma jkunx hemm firda fil-faxex tas-soċjetà.

Qal li l-politika ma’ tistax tibqa’ ffukata biss fuq it-tkabbir ekonomiku bħala l-għodda ewlenija għall-iżvilupp tal-ġid komuni. 

Charles Scicluna qal li fil-qagħda preżenti fid-dinja bl-inġustizzji li saru komuni, il-prinċipju tal-ġid komuni sar sejħa għas-solidarjetà.

Spjega kif l-awtoritajiet għandhom jaħdmu biex jippromwovu l-ġid tal-Istat, għall-ġid komuni u jbiddlu l-liġijiet biex il-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-politikà.

Qal li l-ġustizzja u l-ekwità jitolbu li dawk li għandhom is-setgħa jieħdu ħsieb lid-dgħajfa tas-soċjetá.

More in Politika