'Ma nara xejn ħażin li persuna ċċedi l-irwol tagħha ta' MP u tinnegozja rwol fil-partit '

L-iSpeaker Anġlu Farrugia jikkonferma li anke fil-każ ta' riżenja minn Frederick Azzopardi, jkollha ssir elezzjoni każwali

L-iSpeaker Anġlu Farrugia
L-iSpeaker Anġlu Farrugia

Fid-dawl tal-proċess li għaddej bħalissa biex il-Kap tal-PN Adrian Delia jsib postu fil-Parlament u fid-dawl ta' appell li għamel l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono dwar 'pressjoni żejda', l-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ċċara li m'hemm assolutament xejn ħażin li persuna tirriżenja mill-Parlament u fil-proċess tinnegozja pożizzjoni fil-partit.

F'kummenti ma' dan is-sit Farrugia saħaq illi hija "l-persuna li tiddeċiedi jekk għandhiex tabdika mill-irwol tagħha ta' Deputat." Mistoqsi minn dan is-sit Farrugia ppreċiża li ma jara "xejn ħażin li Deputat jitlob pożizzjoni fil-partit minflok is-siġġu fil-Parlament. Dik hija xi ħaġa li jaraha l-partit mhux il-Parlament. Dejjem basta tkun deċiżjoni ħielsa tal-persuna." 

Mistoqsi x'jagħmel jekk imur Deputat għandu u jirraporta pressjoni fuqu, Farrugia wieġeb li kollox jiddependi fuq x'tip ta' pressjoni tkun saret. "Qatt ma kelli minn dan it-tip ta' rapporti u nispera li qatt ma jkolli." 

Farrugia jagħmel parallel mal-ħatra ta' Joseph Muscat fil-Parlament u jgħid li f'dan il-każ ukoll il-fatt li Joseph Cuschieri kien ċeda postu għal Muscat saret uffiċjali tliet xhur wara li Muscat kien elett Kap tal-PL. 

Intant ma' dan is-sit Farrugia ikkonferma li jekk ikun id-Deputat Nazzjonalista Freferick Azzopardi li jċedi postu, kif żvelat il-gazzetta ILLUM, xorta jkollha ssir elezzjoni każwali. Dan anke jekk Azzopardi tela' bl-aġġustament kostituzzjonali li ta' lill-PN żewġ siġġijiet żejda. 

More in Politika