€16 miljun f'żidiet lill-ħaddiema tal-Air Malta għal aktar produttività

Il-bdoti u l-membri tal-ekwipaġġ issa huma mistennija li jaħdmu aktar sigħat skont l-istandards internazzjonali 

Se jingħataw b’€16 miljun żieda fil-pagi lill-ħaddiema tal-Air Malta sakemm dan ikun jidher fil-produttivitá tagħhom u l-flessibilitá. Il-bdoti u l-membri tal-ekwipaġġ issa huma mistennija li jaħdmu aktar sigħat skont l-istandards internazzjonali.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li sabiex ikun possibbli li din iż-żieda tingħata, l-linja nazzjonali tal-ajru trid iżżid il-qligħ tagħha b’€100 miljun filwaqt li ta garanzija lill-ħaddiema li se jżommu l-impjieg tagħhom. Spjega li l-Air Malta kellha żewġ għażliet jew li tnaqqas l-impjegati u l-pagi jew li ssaħħaħ l-organizzazzjoni tal-kumpanija. Mizzi qal li l-qligħ mhux se jiġi waħdu u li ċertu aġġustamenti huma meħtieġa biex jiżdiedu l-profitti u jagħmlu tajjeb għall-prezz tal-fjuwil u l-pagi.

Il-President Emeritu George Abela, li kien intermedjarju fil-kwistjoni, spjega li ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-unjin u mal-Air Malta dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija. Il-unjins spjegaw dwar l-importanza li l-‘ground handling’ irid ikun separat mill-kumplament tal-kumpanija. Iċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion qal li din il-proposta kienet l-ogħla li setgħet toffri l-linja nazzjonali tal-ajru. Il-ftehim kollettiv ġdid irid jiġi ffirmat sal-1 ta’ Jannar li ġej.

More in Politika