Kuljum qed jinqabżu vjaġġi minħabba nuqqas ta’ xufiera

Konrad Pulè jikkonferma li l-MPT qed tiffaċċja problema ta’ xufiera li qed jitilqu minn xogħolhom

Jidher li t-trasport pubbliku f’pajjiżna reġa’ qed jiffaċċja numru ta’ problemi, b’passiġġieri jilmentaw ma’ din il-gazzetta li jew ix-xarabank li kellhom jaqbdu waslet tard ħafna, jew inkella ma waslet qatt. Xi xufiera li kienu fil-Park and Ride ta’ Pembroke u li tkellmu ma’ din il-gazzetta ikkonfermaw li bħalissa hemm nuqqas ta’ xufiera li qed iwassal biex numru ta’ vjaġġi ma jsirux.

L-ILLUM tinsab infurmata li qed jinqabżu mal-150 vjaġġ kuljum, l-aktar fuq rotot li huma inqas popolari, għal żoni inqas popolati, rotot diretti kif ukoll dawk li joperaw matul il-ħinijiet ta’ bil-lejl. Il-kumpanija topera 5,600 vjaġġ kuljum.

Ikkuntattjat minn din il-gazzetta, il-General Manager tal-Malta Public Transport Konrad Pulè, ikkonferma li qed jinqabżu numru ta’ vjaġġi kuljum għalkemm ma kkonfermax in-numru ta’ dawk il-vjaġġi li fil-fatt mhux qed isiru.

Għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta, Pulè sostna li hemm raġunijiet diversi għalfejn numru ta’ vjaġġi mhux qed isiru, bil-konsegwenza, li passiġġieri qed jitħallew jistennew. Fost dawn hemm il-fatt li numru ta’ xufiera qed jixbgħu u jitilqu minn xogħolhom. “F’dawn l-aħħar tliet xhur tlifna numru ta’ xufiera tajbin minħabba aktar pressjoni li qed iħossu fit-toroq. Ix-xufiera qed jgħidulna li qed ikun aktar diffiċli u stressanti biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom fil-ħin.”

Pulè sostna li għalkemm ix-xufiera qed jagħmlu li jistgħu biex jaslu fil-ħin, isostni li qed jiffaċċjaw wisq ostakli li mhumiex taħt il-kontroll tagħhom. Fost dawn hemm karozzi li jkunu pparkjati f’kantunieri jew fuq bus stops, double parking, devjazzjonijiet u xogħlijiet relatati mal-kostruzzjoni.

Pulè kkonferma wkoll l-informazzjoni li ngħatat lil din il-gazzetta dwar bonuses u inċentivi li qed jingħataw lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu iktar minn 60 siegħa fil-ġimgħa jew li jaċċettaw li jidħlu għax-xogħol għal numru ta’ Ħdud wara xulxin, biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ ħaddiema. Il-General Manager ta’ Transport Malta ma żvelax iżda, għal kemm jammonta dan il-bonus.

Intant, Pulè spjega kif il-Malta Public Transport nediet sensiela ta’ riklami biex tqajjem aktar kuxjenza dwar id-diffikultajiet li x-xufiera jiltaqgħu magħhom fit-toroq. “Din is-sena impjegajna 250 xufier u se nibqgħu nagħmlu l-almu tagħna biex nimpjegaw aktar xufiera,” wiegħed Pulè.

L-Imġarr qed jitħalla bla servizz ‘għal sigħat sħaħ’

Intant aktar kmieni din il-ġimgħa kien il-Kunsill Lokali tal-Imġarr li semma leħen ir-residenti dwar nuqqasijiet fis-servizz minn u lejn din il-lokalità. Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr għamel referenza għan-numru dejjem jiżdied ta’ ilmenti dwar is-servizzi bin-numri 44 u 238. L-ilmenti jitrattaw dewmien eżaġerat jew inkella siegħat sħaħ li matulhom l-Imġarr lanqas ikollu trasport pubbliku.

"Hija nuqqas ta’ serjetá kbira mill-Malta Public Transport li ma tagħtix każ għall-ilmenti li l-Kunsill Lokali u r-residenti ilhom jirrappurtaw għal xhur sħaħ, fejn mhux talli ma sar l-ebda titjib fis-servizz, iżda qed dejjem imur għall-agħar. Din is-sitwazzjoni jeħtieġ li tiġi solvuta sabiex waqt li nippromovu l-użu tat-trasport pubbliku, l-operatur tat-trasport pubbliku jipprovdi s-servizz kif imwiegħed lill-passiġieri skont l-iskeda," sostna l-Kunsill Lokali tal-Imġarr.

More in Politika