Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Filmat | 'Min se jivvota lil Delia biex il-PN jirbaħ elezzjoni qed iħares sal-ponta ta' mnieħru'

Chris Said jwissi li jekk il-PN ibiegħ ruħu, 140 sena ta' storja se 'jispiċċaw fix-xejn'

Albert Gauci Cunningham / 12 ta' Settembru 2017 18:05
Chris Said | Kontestant għal kariga ta' Kap tal-PN
Qed jiddiskrevuh bħala l-‘underdog’ tal-elezzjoni li se twassal biex jintagħżel Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Qed jgħidu li ftit għandu ċans li jirbaħ minkejja l-ħidma qawwija u kontinwa li għaddejja favur tiegħu mid-Dar Ċentrali stess. Imma t-tiġrija sal-barkun jgħid il-Malti u l-assunzjonijiet li mhux se jkun Said li jirbaħ jibqgħu biss assunzjonijiet, xejn aktar, xejn anqas.

L-ILLUM tibda l-intervista ma’ Said, billi tmur lura għas-Sibt li għadda u x-xeni ta’ ewforija li laqgħu r-riżultat tajjeb li kiseb l-avversarju tiegħu f’din l-elezzjoni. Il-fatt li tant hemm entużjażmu għal Delia u mhux daqstant għalih, jew tal-inqas l-entużjażmu għalih mhux daqstant fid-deher, mhux indikatur ċar illi n-Nazzjonalisti huma mxennqin għal bidla totali, iktar milli għal xi ħadd li joffri kontinwità?

"Nista’ ngħidlek li l-maġġoranza kbira ta’ dawk li kienu qed jappoġġjaw lil Alex Perici Calascione llum huma parti mit-tim tiegħi"
Chris Said
“Jien ukoll sodisfatt għax intgħażilt u jien kont wieħed minn dawk magħżula biex ngħaddi għall-proċess ta’ għażla mit-tesserati. It-tim tiegħi ħadem kemm felaħ u irrid nirringrazzjah,” jgħid Said li jkun ħerqan biex ifakkar li “l-Kunsill Ġenerali kellu l-kompitu li jagħżel żewġ kandidati u issa se mmorru quddiem 22,000 persuna. L-għażla tal-kap tal-partit għad trid issir.”

Said huwa ħerqan ukoll li jiġġieled l-idea illi qed jirrapreżenta ‘kontinwità’. “jien qed inwiegħed tibdil u tiġdid fuq it-triq tas-sewwa, fuq il-kredibilità, il-prinċipji u l-integrità mhux li nsiru ‘Labour Mark 2’.

Imma xorta ma weġibnix dwar il-ħeġġa li kien hemm fil-kamp ta’ Delia, imma nieqsa mill-kamp tiegħu. Forsi għax kollox kien qed jindika li kellu jkun hu li jikseb l-ikbar numru ta’ voti?  “Min iċċelebra kellu kull dritt jagħmel dan, imma r-riżultat ta’ min se jkun kap se jkun nhar is-16 ta’ Settembru. Jiena ħassejt li l-messaġġ tal-Kunsillieri huwa li l-ebda kandidat ma ġab maġġoranza.”

‘Ħafna minn ta’ Perici llum qegħdin miegħi’

“Nista’ ngħidlek li l-maġġoranza kbira ta’ dawk li kienu qed jappoġġjaw lil Alex Perici Calascione llum huma parti mit-tim tiegħi,” sostna Chris Said. Huwa fatt magħruf u anke rrappurtat fuq din il-gazzetta stess li l-maġġoranza tat-tmexxija uxxenti tal-PN, primarjament Simon Busuttil, kienu qed jappoġġjaw lil Perici Calascione li ġab 269 vot jew 22% biss tal-voti mitfugħa mill-Kunsillieri.

Said itenni li t-triq tiegħu hija tas-sewwa u jagħmel refernza għal Eddie Fenech Adami. “Fil-bijografija tiegħu Fenech Adami kien qal li meta l-PN jabbanduna l-valuri tiegħu jkun spiċċa u jien se naħdem biex il-PN ma jispiċċax u biex il-valuri tiegħu li huma l-pedament ta’ kollox jibqgħu intatti.”

Huwa qal illi fuq din l-assigurazzjoni mbagħad il-PN jibni fuq il-viżjoni tiegħu, “li tkun segwita mill-maġġoranza tal-poplu biex insiru electable mill-ġdid. ”

Forsi għalhekk iridu lil Delia ħafna Nazzjonalisti, għax qed jagħmel lill-PN electable. Ħafna Nazzjonalisti jħossu li wara tant telfiet il-partit għandu bżonn xi ħadd ġdid li jista’ jerġa’ jrebbħu elezzjoni.

Said jerġa’, għat-tieni darba diġà, iwissi li “ma nistgħux insiru fotokopja tal-Labour għax dan ikun il-bidu tat-tmiem. Jekk insiru bħall-PL għalfejn għandhom jivvutaw lilna n-nies?” jistaqsi Said li jkompli jgħid li llum il-PL m’għadux soċjalist u tal-ħaddiem imma sar partit tal-‘issa’ u ‘illum’ u tal-individwu x’jista’ jakkwista u kif se nistagħna llum.”  

...sal ponta ta’ mnieħrek

Said iżda jmur oltrè minn hekk u jgħid illi min qed jirraġuna favur Delia biex il-partit jirbaħ l-elezzjoni “qed iħares sal-ponta ta’ mnieħru. Jekk inbigħu ruħna 140 sena ta’ storja se jispiċċaw fix-xejn. Min qad jirraġuna hekk qed iħares biss fl-immedjat.”

Kontinwament qed jitkellem dwar il-PN bħala Labour Mark 2. Jiġifieri hu jemmen li b’Delia il-PN isir fotokopja tal-PL? Għax Delia qed jgħid li hu se jissalvagwardja l-valuri tal-partit...

“Mela allura mhu mod ġdid xejn,” jirrispondi Said li jinsisti illi hu qed jirreferi għall-integrità u l-kredibilità tal-partit.

Imma hemm xi theddida għall-integrità tal-partit? Said ma jweġibx dwar Delia imma jgħid li kulħadd jaf li hu integru. “Dak li għamilt fil-ħajja privata tiegħi kulħadd jista’ jevalwah...inftaħt għall-iskrutinju, jien ktieb miftuħ mal-ġurnalisti u qatt ħadd ma sab xejn dwari.”

Jien garanzija għall-PN li jekk inkun qed imexxi mhux se nibża’ x’se jitfagħli l-Labour minn wara. Mhux qed inħares wara dahri, inkella hekk nispiċċa dejjem fuq id-difiża.”

"Kont hemm fil-ġlieda għad-demokrazija, fiż-żmien tad-deheb tal-PN, u anke fi żminijiet diffiċli. Fi żminijiet diffiċli ma ħrabtx, ma nħbejtx. Ma rrinunzjajtx"
Chris Said
Huwa sostna li l-PN għandu bżonn kap li jinsab attent għall-Gvern u li jkun qed jagħġen viżjoni mhux iħares jew jibża’ minn dak li jista’ joħroġ il-Labour fuqu. “Fejn ikun hemm it-tajjeb ngħiduh imma l-istess fejn ikun hemm il-ħażin u allaħres ikun hemm xi ħaġa li twaqqafna milli nitkellmu,” jerġa’ jisħaq Said mingħajr qatt ma jagħmel referenza ċara għal Delia jew l-akkużi li saru kontrih fl-aħħar ġimgħat.

‘Jien qatt ma rrinunzjajt u ħrabt f’mumenti diffiċli’

Nikkrea xenraju. Jitla’ Adrian Delia Kap tal-PN u jiġri dak li jingħad minn bosta fil-PN li se jiġri. Il-PN isir ‘Labour Mark 2’. Chris Said x’jagħmel? Iqum għall-okkażjoni?

“Jien dejjem kont hemm.” Jasserixxi Said. “Kont hemm fil-ġlieda għad-demokrazija, fiż-żmien tad-deheb tal-PN, u anke fi żminijiet diffiċli. Fi żminijiet diffiċli ma ħrabtx, ma nħbejtx. Ma rrinunzjajtx ir-responsabilitajiet tiegħi, kont hemm għall-PN u għall-pajjiż.”

Ladarba Said isemmi bosta drabi l-viżjoni, nistaqsih x’inhi l-viżjoni tiegħu għall-pajjiż u jekk pajjiżna għadx fadallu tragwardi li għad irid jilħaq. “Iva dażgur,” jibda jgħid Said li jgħaddi biex jelenka numru ta’ tragwardi u kwistjonijiet li jħoss illi l-pajjiż irid jaħdem fuqhom.

Il-PN irid ikun tarka tal-ħaddiem...

“L-ewwel nett li naċċertaw governanza tajba. Li l-istituzzjonijiet ma jkunux pupazzi f’idejn il-gvern imma verament ikunu hemm biex jissalvagwardjaw lill-poplu Malti u Għawdxi. Hemm il-problema tat-traffiku, is-safokazzjoni hekk kif kullimkien jinbena, bini mingħajr ippjanar u l-PN irid jindirizza dan l-inkwiet tan-nies.”

Huwa jkompli billi jsemmi l-pensjonanti u kif ħafna minn dawn ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja u t-titjib fl-ekonomija li mhux qed jilħaq lil kulħadd.” Huwa obbligu tal-PN li jkollu politika ċara fuq il-familji u l-persuni vulnerabbli,” jisħaq Said f’dikjarazzjoni pjuttost qrib dawk ta’ Simon Busuttil li kien ippożizzjona lill-PN fuq l-ispettru tax-xellug f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet soċjali.

Said jaċċenna wkoll kontra dak li jsejjaħ, “l-isfruttament tal-ħaddiem. Il-PN irid ikun tarka tal-ħaddiem, tarka kontra l-isfruttament tal-ħaddiem. Tajjeb li jsiru l-profitti imma mhux à skapitu ta’ ħaddiema li jitħallsu biċ-ċiċri.”

“U nassigurak li dan mhux paroli biss,” itemm jgħid Said.

"kieku jien minflok Konrad u Keith ili li rreżenjajt, kif fil-fatt għamilt meta kelli akkużi fuqi. Irreżenjajt anke meta l-PM (Lawrence Gonzi) qalli li ma kienx hemm għalfejn"
Chris Said
Bibien miftuħin...imma mhux għal kulħadd

Bħalma staqsejt lil Adrian Delia, nistaqsi wkoll lil Chris Said jekk il-bibien tal-partit humiex miftuħin għal kulħadd u nsemmi wkoll lil Jesmond Mugliette, Jeffrey Pullicino Orlando u John Dalli.

Bit-tattika dimplomatika li juża ta’ spiss Said, huwa jisħaq li għandu rispett lejhom kollha, “imma l-bibien miftuħ għal min hu ġenwin, leali, li jaħdem għall-ġid komuni mhux għalih, li kapaċi jaħdem f’tim. Dawk li jissodisfaw dawn il-kritrerji l-bibien għalihom huma miftuħin u magħhom irrid nibni l-pontijiet.”

U Giovanna Debono? Jekk jirriżulta li l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha u ta’ żewġha ma kinux minnhom jew ma jirriżultawx f’xiri ta’ voti, terġa’ tistedinha lura biex tipparteċipa fil-partit? “Bla dubju ta’ xejn,” tkun ir-risposta immedjata ta’ Said. “Immedjatament malli jkun hemm deċiżjoni ta’ dak it-tip. Minn dak li segwejt jidher illi l-każ kien imneffaħ u mkabbar apposta biex jipprovaw isallbuha.”

Jiddispjaċini li Refalo spiċċa mwarrab

Nistaqsieh dwar Anton Refalo. Għawdxi bħalu u eks Ministru ta’ Għawdex. Kritikat bil-bosta mill-PN stess għax mexxa strateġija ta’ qadi u nies li jiddaħħlu jaħdmu mal-Gvern.

Minkejja l-kritika qawwija li l-istess Refalo qala’ minn bosta bnadi Said jgħid li dan iħobb lil Għawdex “u persważ li għamel dak li seta’ biex iġib lil Għawdex ’il quddiem, anke jekk kien hemm bosta deċiżjonijiet li ma qbiltx magħhom. Jiddispjaċini li wara li ta’ ħajtu għall-politika spiċċa mwarrab b’dan il-mod.”

"Jekk jinstab li hemm biżżejjed provi biex jinbdew proċeduri kriminali bħala oppożizzjoni nistenna li Muscat f’żewġ minuti jixkupahom ’il barra kif messu diġà għamel"
Chris Said
Jekk ħatja Muscat għandu jixkupa lil Keith u Konrad..

Nibdew nagħlqu l-intervista b’mistoqsijiet dwar xenarji differenti f’każ ta’ eżitu differenti ta’ proċessi li għaddejjin il-Qorti u li jinvolvu lill-Ministru Konrad Mizzi, Keith Schembri u lill-Prim Ministru innifsu.

X’jagħmel Said jekk jinstab li jistgħu jibdew proċeduri kriminali f’kull każ, jew f’wieħed minnhom? U x’jagħmel jekk ma jkun pruvat xejn jew pruvat li l-allegazzjonijiet mhux minnhom?

“Kieku jien minflok Konrad u Keith ili li rreżenjajt, kif fil-fatt għamilt meta kelli akkużi fuqi. Irreżenjajt anke meta l-PM (Lawrence Gonzi) qalli li ma kienx hemm għalfejn u li ma kienx hemm każ kontrija. Għalhekk il-kredebilità hija importanti.”

“Jekk jinstab li hemm biżżejjed provi biex jinbdew proċeduri kriminali bħala oppożizzjoni nistenna li Muscat f’żewġ minuti jixkupahom ’il barra kif messu diġà għamel,” jisħaq Said.

Jekk ma jinstabux biżżejjed provi Said sostna li jara dak li jkun ħareġ skont il-provi u “nieħdu deċiżjonijiet minn hemhekk.”

Dwar Egrant jgħid li allaħares jirriżulta li jistgħu jinbdew proċeduri kriminali “għax ikollna terremot politiku li jweġġa’ lil pajjiżna internament u mad-dinja kollha. Immaġinaw x’mistħija...ikollna sitwazzjoni gravissima u jkunu jridu jittieħdu deċiżjonijiet ibsin.”

F’każ li dan kollu ma jseħħx u ma tinstab ebda prova kif Muscat qal li se jiġri ħafna drabi qabel l-elezzjoni, Said saħaq li huwa jevalwa x’joħroġ mill-inkjesta u “niddeċiedu bħala partit.”

“Tinsiex li hemm responsabilità kriminali imma hemm ukoll ir-responsabilità politika.”

Said temm l-intervista jgħid illi hu jrid partit rebbieħ, mibni fuq il-viżjoni u appoġġjat mill-poplu li jkun jemmen fl-istess viżjoni.”

“Konvint li se nasal, konvint għax l-esperjenza dan turih.” 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook