Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Riżultati ekonomiċi tajbin jistgħu jgħinu lil Malta tospita aġenzija oħra Ewropea

Dan wara li indiċi dinjija jpoġġu lil Malta mal-pajjiżi l-aktar imfittxija mal-barranin 

Jesmar Baldacchino / 11 ta' Settembru 2017 18:30
Malta tinsab fil-ġirja sabiex tospita l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, hekk kif din l-aġenzija flimkien mal-Awtorità Bankarja Ewropea se tiċċaqlaq wara li jseħħ il-Brexit u r-Renju Unit ma jkunx aktar membru tal-Unjoni Ewropea. Din iżda se tkun għadma iebsa minħabba l-fatt li jikkompetu ma’ Malta għal din l-aġenzija, hemm 18-il belt Ewropea oħra. Dawn huma Amsterdam, Ateni, Barċellona, Bonn, Bratislava, Brussell, Bukarest, Kopenhagen, Dublin, Helsinki, Lille, Milan, Porto, Sofija, Stokkolma, Vjenna, Varsavja u Zagreb. It-tellieqa għall-Aġenzija Bankarja hija kemmxejn eħfef għaliex se ssir bejn tmien pajjiżi.

Malta diġà qed tospita aġenziji Ewropej, l-aktar importanti hija l-EASO jew aħjar l-aġenzija Ewropea għall-Ażil, liema taqtigħa sabiex niġu ġġudikati din l-aġenzija kienet waħda qalila ferm fi żmienha minħabba li hija aġenzija sensittiva ferm fid-dawl tal-problemi li l-immigrazzjoni qed toħloq fl-Unjoni Ewropea kollha. Huwa mistenni li l-Kummissjoni Ewropea toħroġ bl-ewwel assessjar tagħha fuq l-aġġudikazzjoni tal-aġenżiji sal-aħħar ta’ Settembru biex finalment ikunu l-mexxejja Ewropej, fosthom il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, li jiddiskutu l-proċess aħħari tal-għażla waqt summit Ewropew li se jsir ix-xahar id-dieħel.

Għalkemm it-tellieqa mhix faċli, pajjiżna jinsab f’pożizzjoni ferm tajba biex jintgħażel sabiex jospita l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini dan minħabba r-riżultati ekonomiċi tajbin li qed niksbu kif ukoll minħabba t-tkabbir ekonomiku li qed jiġu approvati mill-awtoritajiet finanzjarji globali. Interessanti wkoll iżda li pajjiżna huwa fost l-uniċi tliet pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li ġew ikklassifikati fost l-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja li jagħżlu ċittadini Ewropej li jgħixu f’pajjiż ieħor li mhux il-pajjiż li twieldu fih. F’dan l-indiċi dinjija l-Inter Nations Expat Insider 2017, Malta ġiet ikklassifikata fit-tieni post fost 65 pajjiż għall-faċilità li wieħed jintegra ruħu u jsib xogħol malajr, fir-raba’ post għall-mod kif il-barranin jiġu milqugħa fostna u fl-għaxar post fil-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.

Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea qal mal-ILLUM li dawn ukoll ikunu fatturi li se jiġu kkunsidrati għaliex jgħinu lill-ħaddiema preżenti tal-aġenziji biex jintegraw u jaħdmu f’pajjiż Ewropew ieħor. Dan apparti l-użu tal-lingwi differenti fost il-ħaddiema Maltin, il-klima u l-kwalità tas-servizzi tas-saħħa. 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook