Malta u l-Latvja biss jilħqu l-kwota tar-rilokazzjoni

Il-ftehim għar-rilokazzjoni kien tfassal mill-Kummissjoni Ewropea f’Settembru tal-2015 meta l-pajjiżi Mediterranji kienu ressqu l-ilmenti tagħhom

Il-ħajt li l-Ungerija bniet biex twaqqaf l-immigranti
Il-ħajt li l-Ungerija bniet biex twaqqaf l-immigranti

Malta flimkien mal-Latvja huma l-uniċi żewġ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li laħqu l-kwota tal-ftehim ta’ rilokazzjoni tal-immigranti mill-Italja u l-Greċja. Dan il-ftehim kien tfassal mill-Kummissjoni Ewropea f’Settembru tal-2015 meta l-pajjiżi Mediterranji kienu ressqu l-ilmenti tagħhom quddiem il-Kummissjoni u wara sensiela ta’ laqgħat tal-Kunsill Ewropew biex tinstab soluzzjoni malajr għall-kriżi tal-mewġa ta’ immigranti dik is-sena.

Dan il-ftehim kien ikkritikat minn bosta pajjiżi oħra membri tal-Unjoni minħabba li kienu qed iqisu li timponi fuq is-sovranitá tagħhom. Dan kollu jagħti aktar importanza lid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja aktar kmieni din il-ġimgħa meta ġie deċiż li s-sistema tar-rilokazzjoni bil-kwota hija legali u konformi mad-drittijiet tal-bniedem u għalhekk l-Ungerija u s-Slovakkja, li ġġieldu din id-deċiżjoni, ġew ordnati li jimxu mal-ftehim u jaċċettaw l-immigranti mill-Italja u l-Greċja huma wkoll.

Iż-żewġ pajjiżi iżda jidher li mhux lesti li jaċċettaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropew daqshekk malajr tant li l-pożizzjoni tagħhom ma nbidlitx iżda issa qed tissarraf f’konfrontazzjoni. Dan wara li l-Gvern Ungeriż qed jitlob li l-Unjoni Ewropea għandha tħallas għal nofs l-ispejjeż tal-ħajt li twaqqaf fin-nofsinhar tal-pajjiż biex l-immigranti jinżammu milli jidħlu fil-pajjiż.

Dan il-ħajt tal-konkos u l-ħadid ġie jiswa €800 miljun u l-għan huwa li jżomm l-immigranti milli jidħlu mis-Serbja u l-Kroazja. Il-Gvern Ungeriż qed isostni li din kienet deċiżjoni li kellha tittieħed biex ma jkunx hemm aktar influss kbir ta’ immigranti mhux mistenni lejn l-Ewropa ċentrali. Filfatt matul is-sena li għaddiet, aktar minn 19,000 immigrant intbagħtu lura lejn is-Serbja hekk kif ippruvaw jaqbżu l-ħajt u jidħlu fl-Ungerija. Il-konfrontazzjoni qed teskala hekk kif lura fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea kienet ikkundannat lill-Greċja talli waqfet ċint twil aktar minn 12-il kilometru biex l-immigranti mit-Turkija ma jkunux jistgħu jidħlu fl-Ewropa.

Il-Polonja wkoll mhix taqbel mad-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fi Brussell tant li l-Gvern Pollakk qed jgħid li l-Ewropa qed timxi fuq żewġ binarji b’pajjiżi differenti li ma jaqblux ma’ xulxin. L-iskema tar-rilokazzjoni tal-immigranti, li l-Gvern Malti kien qabel magħha, titlob li fuq medda ta’ sentejn jiġu rilokati mal-120,000 immigrant mill-Italja u l-Greċja fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. 

More in Politika