Godfrey ma jeskludix li jieħu post Marlene

Wara r-riżenja ta' Marlene Farrugia, l-illum.com.mt tagġmel kuntatt ma' Godfrey Farrugia...

Id-Deputat tal-PD Godfrey Farrugia
Id-Deputat tal-PD Godfrey Farrugia
Downloadable Files

Fi żvilupp politiku mhux mistenni, lbieraħ Marlene Farrugia ddikjarat li mhux se tkun kandidata għal kariga ta’ Kap tal-Partit Demokratiku, jew għal kull kariga oħra fil-partit. Dan ifisser għalhekk illi Farrugia se tkun mexxiet lil dan il-partit ġdid fl-ewwel sena tiegħu biss. Il-Partit Demokratiku kien fil-fatt iffurmat f’Ġunju 2016, ftit iktar minn sena ilu minn Farrugia innifisha u fforma koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista qabel l-aħħar elezzjoni.

Farrugia ħabbret li mhux se tkun qed titfa’ isimha għall-ebda kariga tal-Partit Demokratiku għax tixtieq tiffoka fuq sfidi oħra fil-ħajja tagħha. Farrugia għamlet din it-tħabbira fuq Facebook, b’persuna li hija membru tal-PD tirrimarka mal-ILLUM illi kienet tippreferi kieku Farrugia ikkomunikat din id-deċiżjoni magħhom, qabel ma marret fuq Facebook.

Intant f’kuntatt ma’ din il-gazzetta d-Deputat tal-PD Godfrey Farrugia m’eskludiex li jkun hu li jmexxi lill-Partit Demokratiku u allura jitfa’ ismu meta jiftħu n-nominazzjonijiet għat-tmexxija ta’ dan il-partit. 

Ikkuntattjat minn din il-gazzetta Farrugia saħaq illi hi se jżomm l-għażliet tiegħu miftuħin u mhux se jkun qed jorbot lilu nnifsu minn issa għal x’se jagħmel dwar it-tmexxija tal-partit. Mistoqsi kemm hi realistika li l-PD fil-fatt isib persuna oħra li tmexxieh, hekk kif għad għandu għażla limitata ħafna ta’ persuni minn fejn jista’ jagħżel, Farrugia innega dan. Huwa sostna li l-PD għanu talent biżżejjed u nies b’biżżejjed ħeġġa biex jieħdu huma t-tmexxija ta’ dan il-partit, fl-ewwel sena tiegħu.

Għall-mistoqsija ta’ din il-gazzetta dwar kif jinterpreta l-fatt li Marlene ddeċidiet li ma tibqax tmexxi lill-PD sena biss wara li l-partit ifforma u xahrejn biss wara suċess relattiv fl-elezzjonijiet, Farrugia kien pjuttost difensiv fil-konfront tas-sieħba tiegħu. Huwa sostna li ma fiha assoluytament xejn ħażin illi persuna, f’dan il-każ marlene, ma tibqax żżomm il-kariga tagħha ladarba tkun wettqet il-kisbiet li tkun immirat għalihom, “u Marlene dawn il-kisbiet laħqithom.”

Mistoqsi jekk huwa jikkunsidrax li jingħaqad mal-PN f’xi stadju f’din il-leġiżlatura Farrugia saħaq li hu ħareġ mal-PD u għalkemm meta ħa l-ħalfa, dan għamlu lejn il-pajjiż “is-siġġu tiegħi huwa assoċjat mal-PD.” 

More in Politika