Ħafna mit-tmexxija tal-PN kontra Delia

  • Ħafna mit-tmexxija tal-PN kontra l-kandidat Karkariż
  • L-eks Kandidat tal-PN jitlob lil Delia biex jirtira l-kandidatura
  • Perici Calacsione jaqbad art; ilbieraħ u llum f’Għawdex

Minkejja li beda l-kampanja tiegħu bil-kbir, Adrian Delia, kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-PN, qed jiffaċċja reżistenza qawwija minn bosta bnadi. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta dwar l-andament tal-kampanja biex ikun elett Kap ġdid tal-PN sostnew illi l-maġġoranza tat-tmexxija tal-PN u b’mod speċjali l-Kap uxxenti Simon Busuttil huma assolutament kontra l-kandidatura ta’ Delia. U miegħu jingħaqdu Beppe Fenech Adami u l-maġġoranza assoluta tal-Kunsill Eżekuttiv.

Dan is-sentiment s’issa qed jidher l-aktar fil-bloggs ta’ Daphne Caruana Galizia, però qed ikompli jintensifika wara stejjer li qed joħorġu fuq il-gazzetta Maltatoday dwar l-interessi ta’ negozju li għandu Delia.

Caruana Galizia, fuq blogg li huwa segwit minn firxa wiesgħa ħafna ta’ għeruq u Kunsillieri Nazzjonalisti, saħansitra akkużat lil Delia li minn kumpanija waħda biss li hu proprjetarju tagħha għandu dejn li jlaħħaq is-€7miljun u €243,000 f’interessi lill-bank HSBC. Il-gazzetta Maltatoday nhar il-Ħadd li għadda żvelat kif Delia għandu interessi ta’ negozju mal-eks raġel ta’ oħt Simon Busuttil.

Imma mhux biss. L-eks Kandidat tal-PN Joe Ellis fl-artiklu tiegħu ta’ kull nhar ta’ Ħadd fuq din il-gazzetta jitlob lil Delia u lil Frank Portelli biex jirrealizzaw illi mhux idonei biex imexxu l-PN minħabba l-qagħda finanzjarja tagħhom u li għalhekk jeħtieġ jirtiraw il-kandidatura tagħhom.

‘Il-qagħda finanzjarja ta’ Portelli u Delia tirrendihom ineliġibbli għall-kariga’

“Mhuwiex aċċettabli bl-ebda mod illi l-kap ta’ wieħed mill-akbar partijiet f’Malta u l-kap tal-oppożizzjoni jkun f’pożizzjoni vulnerabbli ma’ bank ewlieni illi fi kwalunkwe ħin u mument jista’ jiġbidlu t-tapit u jitfgħu mal-ħajt. Il-PN diġà għandu problemi finanzjarji kbar u l-aħħar ħaġa li jeħtieġ hu li jkollu kap li għandu problemi finanzjarji kbar tiegħu wkoll,” sostna Ellis. Huwa għalhekk stieden lil “Adrian Delia u lil Frank Portelli sabiex jagħmlu eżami tal-kuxjenza u jaraw jekk dak li qed jagħmlu hux verament għall-ġid tal-PN jew le. Jiena nawgura illi jaslu għall-konklużjoni llum qabel għada illi l-qagħda finanzjarja tagħhom tirrendihom ineliġibbli illi jkopru l-kariga ta’ kap tal-PN.” (Ara l-artiklu f’paġna  18)

Din ir-reżistenza interna tfisser illi fl-eventwalità li Delia jkun elett, il-co-option tiegħu taf issib ostaklu serju, hekk kif irid ikun l-istess Kunsill Eżekuttiv li jeħtieġ jikkonvinċi lil dawk eleġibbli għal elezzjoni każwali biex ma jipparteċipawx f’każ li persuna tkun lesta li ċċedi s-siġġu Parlamentari.

L-aktar persuna li qed tkabbar l-appoġġ fid-dawl tad-‘daqqiet’ li qed jaqla’ Delia jidher li huwa Alex Perici Calascione, li lbieraħ u matul il-ġurnata tal-lum qed idur il-kunsillieri fil-gżira Għawdxija. Dawk fit-tmexxija tal-PN li ma jridux lil Delia, ħafna minnhom fil-fatt qed jappoġġjaw lil Perici Calascione li mill-bidu tal-kampanja s’issa, spjegaw dawk li tkellmu magħna, qed jara ċaqliqa pożittiva fl-appoġġ.

L-ILLUM tinsab infurmata li Perici Calascione iltaqa’ mal-eks Ministri Anton Tabone u anke Giovanna Debono meta kien qed idur f’Għawdex ilbieraħ, jitkellem mal-Kunsillieri Nazzjonalisti Għawdxin li mhux se jkunu qed jivvutaw lil Said, ħafna minnhom eks sostenituri u attivisti tal-eks Ministru t’Għawdex Giovanna Debono.

Ikomplu l-faqqaturi bejn Delia u Caruana Galizia...

Intant Caruana Galizia kompliet bl-attakk fuq Delia, hekk kif fi blogg partikolari akkużatu li mill-kumpanija Mġarr Developmnets Ltd hu flimkien ma’ martu u l-proprjetarji tat-tali kumpanija akkumulaw dejn ta’ €12-il miljun, li minnhom 11-il sena wara għadhom ma tħallsux €7 miljuni.

Dan kien artiklu ieħor mill-ħafna li nkitbu s’issa u li qed jagħmlu pressjoni fuq il-kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-PN biex jiddikjara l-assi tiegħu, bħalma għamel il-kandidat l-ieħor Chris Said. Ilbieraħ stess David Thake, eks xandar u eks kandidat tal-PN qal illi billi wieħed jipprova joħloq marmalja onlajn mhux se jneħħi mill-fatt li xorta jeħtieġ jiddikjara l-assi tiegħu. “Ma tistax tmexxi billi tibda taħbi l-affarijiet sakemm ikun tard wisq,” sostna Thake f’botta ċara lejn Delia.

Intant Delia qal li rċieva telefonata ‘isterika għall-aħħar’. “Spjegajtilha bil-kalma l-fatti dwar id-dejn ta’ kumpanija li fiha għandi biss sehem ta’ 9%. Injorat il-fatt li l-kumpanija għandha aktar assi minn dejn. Dan kollu mhux mod aċċettabbli kif tirrapporta proċess politiku bħalma hu l-elezzjoni ta’ Kap ta’ Partit. Huwa attakk personali fuqi u fuq il-familja tiegħi u manipulattiv għall-aħħar,” kompla jgħid Delia.

Delia staqsa għalfejn l-attakki u min hemm warajhom u sostna li dan huwa telf ta’ “ħin prezzjuż mill-proposti poltiċi. Il-qagħda finanzjarja personali tiegħi hi tajba u solida. Għandi investiment personali ta’ 9% sehem f'kumpanija li qed tiżvilluppa binja f’Għawdex. Il-valur tal-proprjetà li għandha din il-kumpanija jiżboq sew il-kapital li ntuża biex jinbena l-proġett u d-dejn rimanenti.

Delia saħansitra qal li l-PN ma jistax jibqa’ jiċċassa “quddiem min irid jiġbidlu l-ispag kull meta jidhirlu. Irridu partit magħqud li jitkellem fuq il-politika għan-nies u mhux fuq in-nies fil-politika.”

More in Politika