filmat | Residenti rrabjati jiddominaw konferenza ta' Chris Said

Konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Kunsilli Lokali, malajr saret attività fejn ir-residenti ta' Pembroke jesprimu l-għadab tagħhom għall-proġett propost ta' bini ta' skola

Residenti rrabjati ta' Pembroke iddominaw konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Kandidat Chris Said, hekk kif ilmentaw dwar il-proġett propost għall-bini ta' skola oħra fil-lokalità.

Minkejja li t-tema tal-konferenza kienet dwar l-irwol tal-Kunsilli Lokali, ir-residenti ħaduha f'idejhom sabiex jistaqsu domandi lid-Deputat Nazzjonalista. Dawn bdew jilmentaw kif se jkun qed jittieħed 'il-pulmun' tal-lokalità jekk tinbena din il-biċċa art. Ll-istess residenti żammew f'idejhom kartelluni bil-messaġġ li l-appoġġ lejhom bħala residenti kellu jiġi nhar it-8 ta' Awwissu li għadda meta l-istess residenti flimkien mal-Kunsill Lokali għamlu protesta kontra dan il-proġett u għaliha kien attenda wkoll il-Ministru tal-Ambjent José Herrera.

Said min-naħa tiegħu ddefenda ruħu billi qal li f'25 sena, il-Gvern Nazzjonalista kien ħallieh bħala 'pulmun', u sostna li kieku jrid, il-Gvern jista' jgħid li dik iż-żona għandha tibqa' kif inhi u ma tiġix żviluppata. Dan waqt li żied jattakka lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, għaliex, "il-Ministru qed jgħid li m'għandux jibqa' pulmun."

More in Politika