Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

L-ebda passi dixxiplinarji kontra Vassallo mill-PN

Mhux magħruf x'se jiġri fil-każ ta' Mario Galea li għamel akkużi serji fil-konfront tat-tmexxija ta' Busuttil u qallu biex 'jagħlaq ħalqu'

Albert Gauci Cunningham / 11 t'Awwissu 2017 10:30
Id-Deputat tal-PN Edwin Vassallo
Fuq proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, ilbieraħ qabel li m' għandha tittieħed l-ebda azzjoni dixxiplinarja fil-konfront tad-deputat Edwin Vassallo li fil-Parlament vvota kontra l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. 

F’kumment dwar din id-deċiżjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal: “Ejja niffukaw fuq l-affarijiet importanti. L-aktar ħaġa importanti mhix li deputat wieħed ivvota kontra. L-aktar ħaġa importanti hija li bil-vot favur din il-liġi il-Partit Nazzjonalista għamel pass kbir ‘il quddiem favur l-ugwaljanza f’pajjiżna. Jiena kburi li wassalt il-partit biex jagħmel dan il-pass importanti, minkejja li nifhem li kien pass diffiċli għal xi wħud. Din id-deċiżjoni issa ħadnieha u jeħtieġ inħarsu ‘l quddiem b’sens ta’ għaqda u mhux ninħlew fuq x’passi għandna nieħdu kontra dak jew l-ieħor.” 

Fl-istess laqgħa, il-Kap tal-Partit wera l-apprezzamment tiegħu lejn deputati oħra tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li minkejja li kellhom huma wkoll riżervi dwar il-liġi, xorta taw eżempju ta’ lealtà lejn il-partit billi vvutaw favur il-liġi mal-kumplament tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni. 

Silenzju s'issa dwar Mario Galea...

Intant għadu mhux magħruf x'passi se jieħu jew jekk hux se jieħu passi l-PN fil-konfront tad-Deputat Mario Galea li l-ġimgħa l-oħra. 

Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea fetaħ il-kanuni kollha tiegħu fuq it-tmexxija preżenti tal-Partit Nazzjonalista u b’mod speċjali fuq il-Kap Simon Busuttil.  Apparti li akkuża lil Busuttil illi jmexxi bi ‘stil awtoritarju’, akkuża li saritlu wkoll mid-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, Galea akkuża lit-tmexxija tal-PN illi minflok ressqet aktar nies lejn il-PN, “persuni onesti, għax ħadmu taħt Eddie jew taħt Lawrence Gonzi saru qishom għandhom il-pesta...il-Partit Laburista ġabar in-nies, aħna minflok irmejna lin-nies.”

"persuni onesti, għax ħadmu taħt Eddie jew taħt Lawrence Gonzi saru qishom għandhom il-pesta"
Mario Galea, Deputat Nazzjonalista
F’attakk bla preċedent id-Deputat Nazzjonalista akkuża lit-tmexxija tal-PN illi “impona” lil Rosette Thake fuq il-partit hekk kif “nies validi li dak iż-żmien riedu jikkontestaw (għall-kariga ta’ Seg. Ġenerali) ġew ordnati ma jikkontestawx.”

Galea saħaq illi Busuttil għandu jċedi s-siġġu Parlamentari tiegħu u li “għandu jiskot u jieqaf jieħu deċiżjonijiet importanti li se jorbtu lill-kap il-ġdid.” Huwa jakkuża lit-tmexxija preżenti tal-PN illi wara 25 sena Deputat lilu abbandunatu, filwaqt li dawk li jmorru tajjeb ma’ Busuttil “saru allat”.  

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook