Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

‘Jekk għandkom widnejn biex tisimgħu, Valletta għandha ħafna stejjer xi tgħid’

L-ewwel minn sensiela ta' artikli dwar il-kapitali Maltija hekk kif resqin lejn is-sena 2018, miktubin minn Clifford Galea

Clifford Galea / 11 t'Awwissu 2017 10:14
Il-proġett se jintroduċi l-kunċett ta' trasport bil-baħar li jgħaqqad il-lokalitajiet kollha fil-Port il-Kbir
Il-Belt u l-Kottonera
U s-sena 2018 qed toqrob. Insellem lilkom għall-ewwel darba permezz tal-kitba tiegħi f’dan il-ġurnal. Pajjiżi jaffaxinani; u kull raħal jew belt għandha s-sabiħ tagħha/tiegħu. Il-belt kapitali tagħna Valletta bla dubju għandha l-istil uniku tagħha. Hija meravilja. Kultant ngħid kellha għalfejn tasal is-sena li fiha se tkun inkurunata bħala l-belt kapitali Ewropea biex nagħtuha lura l-faxxinu tagħha? Imma ma rridx inkun negattiv. Bħalissa qed isir ħafna restawr li ħaqqu kull tifħir. Spiss se nkun qed inżomm appuntament magħkom b’kitbieti dwar il-Belt Valletta fejn f’din il-paġna li tajtha l-isem ta’ ‘Fil-Kapitali’ se ntikom tagħrif mhux biss storiku u kulturali imma wkoll dwar dak kollu li jagħmilha l-belt li kienet u li hi llum. Ngħidu aħna n-nies li jgħixu fiha, nies li forsi anke mhumiex magħrufa daqstant, postijiet ta’ interess u veduti, ħwienet partikolari, tradizzjonijiet marbuta biss mal-Belt u informazzjoni oħra simili li nemmen li jogħġbukom. Għad jgħaddi ż-żmien u l-kitbiet li jsiru llum jiġu studjati wkoll u jgħidu ‘kos, ara dak iż-żmien x’kienu jgħidu fuq dawn l-imkejjen! Illum m’għadhomx hekk!’ U dak hu s-sabiħ li nżommu bil-miktub, dak li hu għaddej għax inkella jintilef. Jista’ wkoll jinbidel bil-verżjonijiet li jgħaddu minn fomm għall-ieħor. Bħala introduzzjoni nagħrfu ftit punti speċjali fuq il-Belt kapitali tagħna. Grazzi lil Albert Gauci Cunningham tal-opportunità u li jemmen ukoll f’ dak li jagħmilna uniċi bħala nazzjon.

"Nappella biex aħna wkoll inkunu ambaxxaturi tagħha u nfaħħruha. Inneħħu ftit il-pessimizmu u nagħrfu s-sabiħ li għandna, li fiċ-ċokon tagħna huwa mirqum, u ta’ min japprezzah. Appell ukoll biex inkomplu nżommu lil din il-Belt fl-aħjar stat"
Clifford Galea
Renzo Piano kien qal sentenza sabiħa: ‘Jekk għandkom widnejn biex tisimgħu, Valletta għandha ħafna stejjer xi tgħid.’ Tolqtok. Jien inżid, li l-ħitan u t-toroq jitkellmu jekk tisma’ x’għandhom jgħidulna. Qatt ma ħsibtu ħsibijiet bħal ‘min jaf min mess dan il-ġebel u min jaf min għadda min hawn jew poġġa hawn?!’ Ħsibijiet li jġegħeluk tempatizza maż-żmien passat. Xi ġmiel

Kif aħna tant nsemmu, il-Belt Valletta għandha karattru Barokk imma wieħed jara wkoll elementi ta' Manneriżmu, Neoklassiku u xi partijiet għandhom xejra ta' arkitettura moderna wkoll fosthom il-parlament modern tal-perit li għadni kif semmejt Piano. Għalkemm il-Belt Valletta sofriet ukoll mill-attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija, hi ma tilfitx il-karattru Barokk. Fl-1980 il-Belt Valletta kienet imsemmija mill-UNESCO bħala Patrimonju tal-umanità u bix-xieraq. Irridu nżommu f’moħħna li fi żmienha, Valletta kienet fuq fomm in-nies tal-Ewropa. Kienet tispikka iżjed mil-lum għax kienet minn tal-bidu f’dak l-istil ta’ binja li għal dak iż-żmien kien modern. Konna xortina tajba li kellna kuntatt mal-aqwa arkitetti bħal Girolamu Cassar u Francesco Laparelli.

L-isem uffiċjali li l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ta lill-belt kien ‘Humilissima Civitas Valletta’ li tfisser 'IL-Belt L-Aktar Umli ta' Valletta'. Madanakollu, bil-bini ta' swar u ta' fortifikazzjonijiet, u flimkien mas-sbuħija tal-bini Barokk mat-toroq tagħha, din saret magħrufa bħala Superbissima — 'L-Aktar Kburija', fost is-sovrani tal-Ewropa. Fost il-Maltin, il-Belt Valletta hi fil-qosor magħrufa bħala ‘Il-Belt’.

Bosta huma t-toroq u l-palazzi, insibu ġonna, monumenti, djar mill-ifjen u ħajja wkoll. Nazzarda ngħid li ma tantx għadna ngħidu l-frażi ‘irridu nqajmu l-belt’ għax imxejna sew. Dejjem hemm lok ta’ titjieb imma prosit lil dawk kollha li jgħinu biex il-kapitali tagħna tkun fl-aqwa tagħha dejjem, mhux f’xi festi partikolari biss, u hawn kulħadd jista’ jara li tassew imxejna. Għalkemm il-popolazzjoni tal-Belt hi li hi, illum qed naraw li anke qed ikun hawn ġibda lura ta’ nies li jħobbu l-istorja u jkunu jridu jgħixu qalb l-arti u l-kultura. Popolari l-konverżjoni ta’ postijiet f’boutique hotels fejn almenu jinżamm l-istil oriġinali u l-post ikun qed jiġi wżat u mhux imħolli abbandunat.

Kien fit-28 ta' Marzu 1566, meta tqiegħdet l-ewwel ġebla mill-Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann Jean Parisot de la Valette, imbierka minn Patri Agostinjan li kien Sqalli u ħabib mal-Gran Mastru nnifsu...sal-lum, nistgħu ngħidu bi kburija, li din il-Belt ma waqfitx tissorprendi lil kull min jiġi jżurha. Taffaxxina lil kulħadd. Tagħtik merħba ta’ storja, arti u kultura. Nappella biex aħna wkoll inkunu ambaxxaturi tagħha u nfaħħruha. Inneħħu ftit il-pessimizmu u nagħrfu s-sabiħ li għandna, li fiċ-ċokon tagħna huwa mirqum, u ta’ min japprezzah. Appell ukoll biex inkomplu nżommu lil din il-Belt fl-aħjar stat, mhux biss għax ikun ġej avveniment bħal Valletta 18 imma dejjem. Nibdew bina nfusna bħala ċittadini Maltin u Għawdxin li nżuruha spiss. Kunu kburin b’dak li għandna. Ħadd mhu se jfaħħrilna darna ħlief aħna. Sliem lilkom mill-Kapitali...għad-dell tal-Kon Katidral qed inwasslilkom din l-introduzzjoni tal-paġna tiegħi f’dan il-ġurnal. Agħmlu kuntatt miegħi fuq [email protected] jekk anke tixtiequ twasslu xi kritika pożittiva biex nesponu wirtna fil-Belt Valletta lill-qarrejja ta’ dan il-ġurnal. Tislijiet għalissa.

Clifford Galea M.A Baroque Studies

L-artiklu li jmiss ta' Galea se jidher fil-ħarġa ta nhar il-Ħadd 20 ta' Awwissu

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook